Internazzjonali

L-Ukrajna: Vladimir Putin jista’ huwa lest ‘biex itemm il-gwerra’

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, jemmen li l-President tar-Russja Vladimir Putin qed jaħseb biex itemm il-gwerra li beda fl-Ukrajna fl-aħħar jiem ta’ Frar u li l-ġranet li jmiss iridu jaraw ‘qabża kbira ‘il quddiem’ lejn dan it-tragward.

Erdogan spjega li, waqt l-aħħar taħditiet li kellu ma’ Putin, ħa l-impressjoni li l-Mexxej Russu ‘jixtieq li jtemm il-konflitt malajr kemm jista’ ikun’, anki jekk għad ma ħarġu l-ebda indikazzjonijiet konkreti min-naħa tal-Kremlin (f’Moska).

Il-qawwiet Ukreni, fl-aħħar jiem, irnexxielhom jaħtfu lura ammont sinifikanti ta’ territorju li sa ftit ilu kienu okkupati mill-militar Russu. Dan waqt li l-Gvern tal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky jinsab fiduċjuż li għandu jieħu lura aktar artijiet Ukreni lir-Russi fil-fażi li jmiss tal-kontro-offensiva li rnexxiet bil-kbir minn aspet militari.

Anki Erdogan, issa, indika li s-sitwazzjoni fl-Ukrajna saret ‘problematika’ għar-Russi. Dan wara li hu kellu diskussjonijiet ferm estensivi ma’ Vladimir Putin waqt summit li kien sar il-ġimgħa l-oħra fl-Użbekistan.

Intant, il-Mexxej Tork, waqt intervista lill-istazzjon tat-televiżjoni Amerikan PBS, qal li Putin, sa fl-aħħar, qed jagħtih x’jifhem li jrid tmiem malajr għall-gwerra.

‘Din kienet l-impressjoni tiegħi waqt is-summit fl-Użbekistan’, spjega Erdogan li mill-ġdid tenna li l-gwerra fl-Ukrajna qed tiżvolġi b’mod ħażin għall-qawwiet tal-Kremlin li qegħdin jiffaċċjaw dejjem aktar diffikultajiet u intoppi.

Il-President tat-Turkija żvela wkoll li r-Russja u l-Ukrajna kienu qed jaħsbu biex jikkonkludu dalwaqt skambju ta’ 200 ‘ostaġġi’, iżda hu ma tax dettalji dwar il-priġunieri involuti fl-iskambju potenzjali.