Lokali

“Mhux se nippermettu li l-kwalità tal-ħajja titteħdilna minn idejna” – Bernard Grech

"L-Oppożizzjoni hi l-Gvern alternattiv"

“Mhux se nippermettu li l-kwalità tal-ħajja titteħdilna minn idejna.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta indirizza l-attività kommemorattiva tal-PN lejlet il-ġurnata li tiċċelebra l-festa ta’ Malta Indipendenti. Okkażjoni li matulha Bernard Grech tkellem fit-tul dwar il-kwalità tal-ħajja, u kif bħalissa l-familji jinsabu inkwetati biż-żieda fil-prezzijiet u l-għoli tal-ħajja.

Hu qal li pajjiżna bħalissa qed jara żieda fil-faqar, pressjoni kbira minħabba l-għoli tal-ħajja u effetti anke fuq is-saħħa tan-nies.

Bernard Grech qal li ma nistgħux biss niddiskutu dawn il-problemi; iżda rridu nagħtu soluzzjonijiet. “Ma nistgħux nibqgħu ċassi quddiem il-pjaga tal-għoli tal-ħajja”.

Tenna li l-kwalità tal-għixien tfisser ukoll kif aħna ingawdu l-ambjent, il-kwalità tal-arja u anke s-saħħa mentali. Għalhekk, qal Bernard Grech, hemm bżonn pjan fit-tul li nkunu kommessi li nwettquh bħala pajjiż.

Fid-diskors tiegħu Bernard Grech għamel referenza għall-bżonn ta’ jobs ta’ kwalità, it-tisħiħ tal-edukazzjoni, sistema tas-saħħa li toffri l-aqwa servizz u li nħarsu tassew l-ambjent ta’ madwarna. Hu tkellem dwar dik li sejjaħ “trasformazzjoni” li tirriżulta f’suċċess għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri – biex ħadd ma jibqa’ lura.

Il-Kap tal-PN tkellem dwar it-tema tas-sigurtà, u l-importanza li l-Pulizija jkollhom ir-riżorsi meħtieġa.

Quddiem dawk preżenti fil-Floriana – biswit il-monument tal-Indipendenza – Bernard Grech qal li l-Indipendenza kien il-bidu ta’ kapitlu li sawwar nazzjon; jum li jibqa’ imnaqqax b’ittri tad-deheb fl-istorja ta’ pajjiżna u fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-PN qal li l-Indipendenza huwa l-Jum Nazzjonali ta’ pajjiżna. U fakkar li l-Indipendenza tfisser libertà u tfisser li poplu kapaċi jieħu d-deċiżjonijiet. “Il-bidu tal-kisbiet kollha ta’ pajjiżna huwa l-jum tal-Indipendenza”, insista Bernard Grech.

Bernard Grech insista li l-Gvern għandu jtemm il-ftehim li għandu ma Steward, biex il-miljuni ma jibqgħux jintremew u jmorru għand in-nies. “Din hija t-tifsira ta’ stat ġust, u governanza tajba”.

U huwa għalhekk, stqarr il-Kap tal-PN, li l-Oppożizzjoni hi l-Gvern alternattiv. “Diġa’ bdejna bl-azzjonijiet – bħal ma għamilna fuq il-kontijiet tad-dawl – u mhux se nieqfu hawn”.

“Determinati li naħdmu biex ikollok il-kwalità ta’ ħajja li tixraqlek, u nħallu Malta aħjar”, temm jgħid il-Kap tal-PN.

Intant, Bernard Grech irringrazzja lil dawk kollha li fl-aħħar jiem waslulu l-kondoljanzi wara t-telfa ta’ missieru. Il-Kap tal-PN sellem ukoll lid-deputati Robert Arrigo u Janice Chetcuti, li f’dawn il-jiem qed jirċievu kura l-isptar. Tislima ukoll lil David Agius, li ma setax ikun preżenti għall-attività għax jinsab ma’ missieru li għaddej b’kura l-isptar.

Wara ċ-ċerimonja, itellgħet il-bandiera ta’ Malta biswit il-monument tal-Indipendenza.