Internazzjonali

Renju Unit: Ir-Re Karlu III qed iħossu ‘kommoss’ bl-imħabba u r-rispett għal ommu, ir-Reġina Eliżabetta

Il-funeral statali tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni kien avveniment uniku fil-ħajja tal-maġġoranza assoluta tal-Britanniċi u meta l-ħajja normali waqfet kompletament fir-Renju Unit fost it-tislima nazzjonali lejn ir-renju ħaj u vibranti ta’ Eliżabetta li dam għal rekord ta’ 70 sena.

Filwaqt li issa, il-Britanniċi qegħdin iħarsu ‘il quddiem lejn ir-renju tar-Re Karlu III, l-iben il-kbir tar-Reġina, Karlu, fil-preżent, għadu qed jesprimi gratitudni għall-appoġġ u simpatija mill-poplu għat-telfa tiegħu u ta’ familtu….Appoġġ u mħabba sinċiera li waslu ukoll mingħand in-nies u l-Mexxejja minn kull rokna tad-dinja.

Ir-Re sostna li hu u martu Camilla, bħala l-Queen Consort, qed iħossuhom ferm kommossi ‘għal din il-mewġa ta’ imħabba għar-Reġina’ waqt li qalu li mhuma se jinsew qatt ir-rispett kbir u l-messaġġi ta’ kondoljanzi mingħand in-nies li kienu ta’ faraġ waqt dawn il-jiem diffiċli.

Madwar 2,000 persuna attendew għall-funeral statali tar-Reġina f’Westminster Abbey, fosthom 500 President u Prim Ministri minn madwar id-dinja, flimkien mal-membri tal-familji rjali minn diversi pajjiżi.

Madankollu, kien hemm ukoll xi Mexxejja u personalitajiet li ma kenux mistiedna għall-funeral Statali tat-Tnejn.

Fil-fatt ma attenda l-ebda rappreżentant mis-Sirja, il-Veneżwela u l-Afganistan, waqt li l-istedina lanqas ma kienet testendi għat-Tmexxija tar-Russja, il-Belarus u Myanmar. Dan ukoll waqt li l-President Russu Vladimir Putin kien stqarr minn qabel li ma kellux il-ħsieb li jattendi għall-funeral tar-Reġina.

Il-Korea ta’ Fuq komunista u n-Nikaragwa kienu rappreżentati biss għall-funeral fuq livell ambaxxatorjali u mhux mill-Kapijiet tal-Istat.

Sadanittant, ir-Reġina Eliżabetta ndifnet fil-Kappella ddedikata lil San Gorġ fil-Kastell ta’ Windsor, wara servizz privat għall-membri tal-Familja Rjali. Il-katavru tagħha u dak ta’ żewġa l-Prinċep Philip ( li miet is-sena l-oħra) jinsabu fil-King George VI memorial chapel li jifforma parti mill-Kappella ta’ San Ġorġ.