Futbol Sport

Titjieb is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FC Barcelona

(Ritratt: EPA)

Barcelona rreġistraw qligħ ta’ €99 miljun għall-aħħar sena finanzjarja u jistennew li jagħmlu profitt ta’ 273 miljun ewro is-sena d-dieħla. Dan is-sajf il-klabb Spanjol ma setax jirreġistra plejers ġodda minħabba r-regolamenti finanzjarji ta’ La Liga peress li ħallew telf finanzjarju ta’ €481 miljun is-sena ta’ qabel. Madankollu il-klabb irnexxielu joħloq bilanc finanzjarju wara diversi azzjonijiet ekonomici li wettaq.

Il-klabb ħabbar li għalaq is-sena finanzjarja 2021/22 b’fatturat ta’ aktar minn biljun ewro. Ir-restrizzjonijiet finanzjarji fissru li kien hemm dewmien fir-reġistrazzjoni ta’ plejers ġodda fosthom Robert Lewandowski u Raphinha qabel il-bidu tal-istaġun 2022/23. Biex wettaq bilanċ finanzjarju l-klabb bigħ ishma tad-drittijiet televiżivi futuri li kellu u s-sehem tagħhom tal-produzzjoni tal-midja Barca Studios.

F’Awwissu, biegħu 24.5% addizzjonali ta’ Barca Studios lil Orpheus Media għal €100 miljun u dan kien mistenni li jiġġenera biżżejjed dħul biex jissodisfa lil La Liga u jippermetti li Barca jirreġistraw tal-inqas xi wħud mill-plejers ġodda tagħhom.

Barcelona jinsabu fit-tieni post f’La Liga b’16-il punt wara sitt logħbiet, żewġ punti taħt Real Madrid.