Lokali

75 Sena mit-twaqqif tal-Għaqda Każini tal-Banda

Kien propju nhar is-16 ta’ Settembru tal-1947 meta twieldet The Malta Band Clubs’ Association fil-każin tas-Soċjetà Mużikali San Ġużepp fil-Ħamrun.

L-għan ewlieni ta’ din l-għaqda, li illum hija magħrufa bħala l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, kien dak li tgħaqqad il-baned kollha flimkien sabiex f’vuċi waħda jkunu jistgħu jtejbu l-kundizzjonijiet tagħhom, kif ukoll isaħħu u jirregolaw it-tagħlim mużikali li jingħata fil-każini.

Ħamsa u sebgħin sena wara, l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda fakkret dan l-anniversarju fl-istess każin tal-banda fejn twieldet permezz ta’ quddiesa ta’ ringrazzjament u wara kien hemm laqgħa għar-rappreżentanti tal-każini membri fejn ġew diskussi diversi temi attwali.

Matul is-serata ġiet imnhedija strateġija ġdida li saret permezz ta’ proċess ta’ rebranding, kif ukoll ġiet inawgurata emblema ġdida għall-Għaqda: waħda iżjed kontemporanja li turi l-elementi mużikali flimkien mas-salib ta’ Malta.

Matul diskorsi tal-okkażjoni, il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda Noel Camilleri saħaq fuq il-ħtieġa li l-każini tal-banda jkomplu jsiru iżjed rilevanti, anki fid-dawl tal-fatt li aktar minn 60% tal-Maltin iqisu l-każini u l-festi bħala s-sors primarju kulturali ta’ pajjiżna.

Il-President Emeritu Marie Louis Coleiro Preca minn naħa tagħha rrimarkat fuq il-bżonn li l-każini tal-banda jibqgħu magħquda u għalhekk jaħdmu mhux biss għall-komunità li jinsabu fiha iżda ukoll għal pajjiżna b’mod ġenerali.