Lokali

Cruise liners li jżuru l-Port il-Kbir fil-Belt Valletta kklassifikati skont kemm iniġġsu l-ambjent

Cruise

Sitt kumpaniji tal-cruise liners li regolarment iżuru l-Port il-Kbir fil-Belt Valletta bħala parti mill-iskeda tagħhom huma fost 14-il kumpanija tal-cruises li ġew ikklassifikati għall-impatt ambjentali tagħhom mill-Imsieħba
tal-BirdLife Nature and Biodiversity Conservation Union, NABU (BirdLife Germany), bħala parti mill-inizjattiva konġunta ma’ BirdLife Malta u msieħba oħra fil-Mediterran imsejħa Together Against Air Pollution from
Ships
.

Il-kumpaniji tal-cruise liners kienu s-suġġett ta’ stħarriġ li sar biex jiġi evalwat l-impatt tagħhom fuq l-ambjent, is-saħħa u l-klima, bil-vapuri li għadhom l-ikbar impatt jitpoġġew taħt nett tal-lista. Il-klassifika, li ġiet ippubblikata x-xahar li għadda, u hija l-għaxar waħda f’serje li jinħarġu kull sena, turi li l-kumpaniji tal-cruises għadhom mhux
qed jagħmlu biżżejjed biex inaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom, b’mod partikolari l-emissjonijiet li jikkawżaw bil-ħruq tal-Heavy Fuel Oil (HFO).

Il-Heavy Fuel Oil jaf ikun fih livelli li jvarjaw ta’ kubrit u nitroġenu, li l-ħruq tagħhom jipproduċi gassijiet li jkunu ta’ dannu għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Dan l-impatt jiżdied meta l-cruise liners ikunu fil-viċinanzi
ta’ villaġġi u bliet bħalma jiġri meta jkunu fil-Port il-Kbir ta’ Malta, destinazzjoni li diversi cruise liners regġħu bdew iżuruha wara li kienet naqset l-attività kaġun tal-COVID-19.

Il-klassifika tan-NABU evalwat il-miżuri li qed jiġu implimentati u anke l-miri mfassla mill-operaturi biex jintlaħaq l-għan aħħari li jkollna cruises nodfa li jkunu climate-neutral sal-2040 – is-sena stipulata fir-roadmap tan-NABU. L-istħarriġ sar fuq 19-il kumpanija tat-tbaħħir, bil-massimu ta’ punti li kull kumpanija setgħet tikseb ikun ta’ 17.

Minkejja f’dan, il-kumpanija Hurtigruten Norway li kklassifikat fl-ewwel post, kisbet biss nofs il-punti massimi li setgħu jinkisbu, bil-kumpaniji l-oħra kollha jikklassifikaw warajha. Fost l-ewwel ħames klassifikati hemm it-tliet kumpaniji Ġermaniżi AIDA, Hapag Lloyd Cruises, u TUI Cruises, li jistgħu jitqiesu bħala pijunieri f’dak li għandu x’jaqsam mal-introduzzjoni ta’ miżuri minn bastimenti kbar.

Madanakollu r-riżultati juru wkoll li l-kumpaniji qegħdin prinċipalment jagħmlu ħafna wegħdiet u avviżi, imma mbagħad ftit li xejn qed isir b’mod konkret biex is-sitwazzjoni titjieb. Mill-bidu tas-sena, mill-inqas 48 cruise liner tal-kumpaniji (Phoenix, Norwegian Cruise Lines, MSC, Viking) li bejniethom irreġistraw progress ta’ inqas minn 30% fl-implimentazzjoni ta’ miżuri biex inaqqsu l-emissjonijiet li jagħmlu l-ħsara, żaru l-port fil-Belt Valletta (skont l-iskeda tal-Valletta Cruise Port).

F’Awwissu fil-Port il-Kbir tal-Belt Valletta kien hemm sa tliet cruise liners ankrati kuljum. Pereżempju, fit-18 ta’ Awwissu, il-cruise liners ta’ TUI Cruises, Norwegian Cruise Lines u P&O Cruises kienu kollha f’xi ħin jew ieħor fil-Port il-Kbir, b’kontribut qawwi għat-tniġġis tal-arja, inkluż fiż-żona tal-kosta biswit.

L-espert tal-cruises Sönke Diesener min-NABU, irrimarka: “Fl-għaxar sena tal-klassifika tal-cruise liners, ir-riżultati qegħdin għal darba oħra juru li lħarsien tal-ambjent u tal-klima għadhom mhumiex fuq quddiem nett tal-aġenda għall-kumpaniji tal-cruises. Il-Heavy Fuel Oil jibqa’ jkunu l-fjuwil preferut għall-maġġoranza tal-flotta eżistenti.

Huma biss ftit il-proġetti li qed jiġu ppjanati jew implimentati bl-iskop li jinstabu verament soluzzjonijiet għall-ġejjieni. Min-naħa l-oħra n-natura u l-kriżi tal-klima huma kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati b’mod urġenti”.
Fl-istess ħin, almenu, sa issa l-parti l-kbira tal-kumpaniji tal-cruises għandhom strateġija dwar il-klima u huma impenjati favur il-Miri Klimatiċi ta’ Pariġi.

Dawk li jinsabu fuq quddiem bdew jużaw teknoloġiji moderni bħalma huma batteriji u ċelloli tal-fjuwil, imma sa issa dawn għadhom qed jintużaw biss biex jikkumplimentaw il-magna li taħdem bil-fjuwil (combustion engine). Minkejja f’dan, il-heavy fuel illum għadu jiddomina ssuq, u fil-bookings tal-vaganzi bil-cruise liners jidhru kważi b’mod esklussiv vapuri li jużaw fossil fuels.

Għalkemm aktar u aktar vapuri llum huma mgħammra bil-kapaċità li jieħdu l-enerġija mix-xatt, l-użu attwali ta’ din il-faċilità għadu baxx. Il-kumpaniji Hurtigruten, Hapag Lloyd Cruises, u Ponant jikklassifikaw tajjeb fejn għandu x’jaqsam mal-phasing-out tal-HFO u l-użu tal-enerġija mix-xatt.

Ħtieġa li tkun żviluppata faċilità għal konnessjoni shore-to-ship għal cruise liners ankrati

F’Malta qed tkun żviluppata faċilità għal konnessjoni shore-to-ship għal cruise liners ankrati fil-port, li se tippermetti vapuri trakkati mal-moll biex jaqbdu mal-grid tal-elettriku. Dan ikun ifisser li l-vapuri jkunu jistgħu jitfu
l-magni tagħhom fil-port, u b’hekk jonqsu sew l-emissjonijiet madwar l-inħawi residenzjali.

Skont Infrastructure Malta, miżura bħal din “se tnaqqas drastikament l-emissjonijiet mill-cruise liners li jżuru Malta” għax se tfisser sa 93% inqas f’emissjonijiet ta’ Ossidju tan-Nitroġenu, 92.6% inqas f’particulate matter u 99.6% inqas f’emissjonijiet ta’ Dijossidu tal-Kubrit mill-vapuri.

Malta, flimkien mal-kumplament tal-Mediterran, hija mistennija tistabbilixxi Sulphur Emission Control Area (SECA) fl-2025, biex bil-mod ilmod tkompli tillimita anke l-livelli ta’ nitroġenu fil-fossil fuels. Pajjiżi oħra bħal pereżempju n-Norveġja ilhom iħaddmu reġim strett ta’ Ossidju tanNitroġenu sa mill-2007, u wħud mill-fjords dalwaqt ikunu jistgħu jinnavigaw fihom biss vapuri b’zero-emissions.

It-tneħħija ftit ftit tal-heavy fuels hija pass ’il quddiem fl-isforzi biex ikomplu jitnaqqsu dejjem aktar l-emissjonijiet u pass ieħor lejn industrija tat-tbaħħir tal-cruise liners li tkun aktar sostenibbli u climate-neutral. Malta għandha wieħed mill-akbar reġistri tat-tbaħħir fid-dinja u għandha tippromwovi aktar miżuri u inizjattivi sabiex it-tbaħħir isir climate-neutral.