Kull player joħlom li jkollu prestazzjoni mill-aqwa fid-debutt mal-klabb il-ġdid li jingħaqad, biss żgur ma jistax jingħad fuq il-player internazzjonali Ġappuniż Shoya Nakajima li kellu bidu mill-aktar diżappuntanti.
Il-player ta’ 28 sena għamel id-debutt tiegħu fil-kampjonat Tork mat-tim ta’ Antalyaspor meta fil-logħba kontra Adana Demirspor, li huma mmexxija minn Vincenzo Montella, daħal bħala sostitut fit-58 minuta. Fl-ewwel azzjoni, wara biss 20 sekonda, Nakajima għamel daħla tard fuq il-player Svennson fejn ir-referee Ali Palabiyik inizjalment wera l-karta s-safra lil player ġappuniż.
Sakemm il-player Norveġiż beda jiġi mdewwi, ir-referee ġie msejjaħ mill-uffiċjali responsabbli mill-VAR li wara li reġa’ segwa l-azzjoni, biddel id-deċiżjoni tiegħu u keċċa lil player Nakajima fost id-diżappunt tal-partitarji u l-familjari tiegħu li kienu preżenti.
Il-midfielder ċentrali Nakajima li kien preżentat bħala akkwist ġdid fit-8 ta’ Settembru, issa se jkun qed jiskonta sospensjoni qabel jerġa’ jirritorna għal-logħob bit-tama li jkollu prestazzjoni ferm aħjar.
B’din is-sospensjoni, Nakajima sar wieħed mill-aktar players li tkeċċa f’ħin relattivament qasir fid-debutt tiegħu.