Futbol Sport

Gżira United Veterans jiftħu l-istaġun bir-rebħ tas-Super Cup

Gżira United Veterans rebħu s-Super Cup wara li għelbu lil MFPA bl-għoti tal-penalties.

Għalkemm Gzira kienu żewġ gowls vantaġġ b’gowls minn Jonathan Pearson u Matthew Bartolo sa nofs it-tieni taqsima, il-partita kienet waħda bilanċjata u t-tim tal-MFPA baqgħu sakemm meritatament ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Jonathan Bondin u Aleksandar Ribic. Gżira reġgħu marru minn fuq meta kien Renato Conceicao li sab ix-xibka u meta deher li l-logħba ser tintrebaħ mill-Maroons, Mark Barbara reġa ġab il-gowl tad-draw u l-partita għal hin barrani.

MFPA marru għall-ewwel darba minn fuq fil-hin barrani b’gowl ta’ l-istess Barbara iżda l-eks plejer ta’ Sliema Wanderers Alex Muscat skorja l-gowl li ħa l-logħba għall-għoti tal-penalties.

Gżira skorjaw il-penalties kollha tagħhom, bl-MFPA ifallu tnejn sabiex il-Maroons setgħu jiċċelebraw l-ewwel unur tal-istaġun bil-qofol jintlaħaq meta l-president tal-VMFA Malcolm Camilleri ppreżenta t-tazza lill-captain ta’ Gżira Andrew Cohen.

Referee: Peter Abela.