Internazzjonali

Il-Ġappun: Iqabbad lilu nnifsu biex jipprotesta dwar il-funeral ta’ Shinzo Abe

Raġel Ġappuniż ta n-nar lilu nnifsu bi protesta għall-funeral statali li se jsir għall-eks Prim Ministru tal-Ġappun, Shinzo Abe, li kien spiċċa assassinat f’Lulju li għadda.

Il-pulizija kienu mgħarrfin bl-inċident mill-pubbliku li raw ir-raġel anzjan bil-fjammi telgħin minn ma’ ġismu viċin tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Tokjo.Il-pulizija rnexxielhom jitfu n-nar qabel wasslu lir-raġel – li kien għadu konxju – lejn l-isptar u fejn ma kien żvelat xejn dwar il-kundizzjoni tiegħu.

Il-Gvern Ġappuniż ma kkummentax dwar l-inċident fi żmien meta qed tikber l-oppożizzjoni pubblika għall-funeral statali ta’ Shinzo Abe – bl-aħħar stħarriġ juri li l-maġġoranza tal-votanti fil-Ġappun qed jopponu għall-ispiża tal-funeral.

Shinzo Abe , fit-8 ta’ Lulju, kien qala tiri fatali waqt li kien il-protagonista f’rally politiku għall-Partit Liberali Demokratiku. Il-qtil ta’ Abe, li kien l-aktar Prim Ministru Ġappuniż li qatt dam fil-kariga, kien ikkundannat f’kull rokna tad-dinja minbarra li nissel xokk kbir fost il-Ġappuniżi li ftit għandhom esperjenza ta’ vjolenza politika.

Sadanittant, mijiet ta’ dinjitarji mill-Ġappun u minn madwar id-dinja mistennija jattendu għall-funeral ta’ Abe fis-27 ta’ Settembru. Dan ukoll meta l-funerali statali mhumiex prattika stabbilita fil-Ġappun.