Sport Waterpolo

Il-Griegi kellhom jistennew sal-aħħar sessjoni biex għamlu ċert mir-rebħa kontra ż-żgħażagħ Maltin

(Ritratt: ASA)

Rapport: Stewart Said

GREĊJA………….. 8

MALTA……………. 3

(3-2), (0-0), (3-1), (2-0)

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena se jkun qed jilgħab għal bejn id-disa’ u t-12-il post wara li ġie megħlub mill-Greċja 8-3. Ir-rebħa għat-tim Grieg kienet meritata iżda wieħed ma jridx jinsa l-impenn taż-żgħażagħ kontra avversarji aktar ta’ kwalità. It-tim Malti kien fil-logħba sa prattikament tmiem it-tielet sessjoni għalkemm l-għajja bdiet tagħmel tagħha fit-tieni parti tal-logħba.

Negattiva kienet is-sitwazzjoni tal-man-ups, b’żewġ gowls biss skorjati minn seba’ okkażjonijiet kif ukoll penalty salvat ta’ Sam Gialanze. Punt pożittiv il-prestazzjoni pożittiva mill-gowlkiper Matthew Bonello du Puis li speċjalment fit-tielet u r-raba’ sessjoni żamm id-distakk baxx.

Simili bħal dak li ġara kontra l-Olanda, it-tim Malti kellu bidu pożittiv u meritatament kiseb vantaġġ ta’ 2-0 sa dak il-ħin permezz ta’ doppjetta minn Sam Gialanze. Iżda malli l-Griegi sabu x-xibka għall-ewwel darba madwar tliet minuti mit-tmiem tas-sessjoni, il-Griegi għollew il-livell tagħhom u b’gowl fl-aħħar azzjoni dawru r-riżultat għal 3-2.

Fit-tieni sessjoni, it-tim Malti żamm il-livell tal-prestazzjoni mal-avversarji. Fid-difiża kien aktar kompatt u rnexxielu ma jsofrix gowl anki meta f’żewġ okkażjonijiet kien bi plejer anqas. Madankollu fl-attakk iż-żgħażagħ Maltin ma kinux preċiżi u kien hemm okkażjonijiet li fihom seta’ wasal il-gowl.

In-nuqqas ta’ attenzjoni spikkat fit-tim Malti waqt it-tielet sessjoni. Minkejja li Alec Fenech ġab id-draw minn man-up, it-tim Malti sofra żewġ gowls ftit wara li setgħu ġew evidati b’aktar attenzjoni.

L-għajja wkoll bdiet tagħmel u f’ħafna attakki, il-gowlkiper ma bediex ikun impenjat biżżejjed. Il-gowl ta’ Andreas Almyras fl-aħħar ħames sekondi tas-sessjoni witta t-triq għar-rebħa tal-Griegi.

Fl-aħħar sessjoni, il-logħba żammet l-istess andament, b’Evangelos Pouros jiskorja doppjetta fl-aħħar sessjoni. It-tim Malti prova l-aħħar sforzi tiegħu biex tal-anqas inaqqas id-distakk iżda t-tentattivi kienu inutli. Malta tilgħab il-logħba ta’ klassifikazzjoni kontra t-tellief bejn il-Montenegro u Georgia għada fil-11.30am.

Greċja: I. Karakouros, D. Bouzalas (1), I. Tottis, A. Bitsakos, A. Almyras, N. Kastrinakis (1), N. Gkillas (2), S. Spachits (1), A. Myrilos, E. Pouros (3), C. Bitsakos, A. Georgaras, N. Iliopoulos

Malta: A. Bugeja, D. Tully, S. Gialanze (2), K. Borg, J. Cachia, R. Caruana, J. Cutajar, M. Castillo, M. Mifsud, J. Bonavia, A. Fenech (1), G. Farrugia, M. Bonello du Puis

Referees: Erwin Schapers (Olanda), K. Dvoracek (Repubblika Ċeka)