Internazzjonali

Il-Polonja: Il-qawwiet ta’ tliet pajjiżi jieħdu sehem fl-eżerċizzju NIEDZWIEDZ 22

Il-qawwiet tal-Istati Uniti u r-Renju Unit – żewġ potenzi tal-Punent bi storja twila ta’ alleanza militari – bħalissa għaddejjin b’jiem ta’ taħriġ fuq bażi ta’ manuvri konġunti u meta l-eżerċizzju, magħruf bħala NIEDZWIEDZ 22, għandu jikkonkludi għada l-Ġimgħa, it-23 ta’ Settembru.

L-eżerċizzju qed isir f’Nowa Deba, lejn il-lvant tal-Polonja u fejn qegħdin jieħdu sehem ukoll xi kontinġenti militari Pollakki. Ma dawn hemm diversi entitajiet armati mit-taqsimiet tal-Armati rispettivi u li jinkludu tankijiet tal-gwerra, karrijiet armati u ħelikopters.

F’dawn il-jiem qed jispikkaw anki l-eżerċizzji ta’ ‘live firing’; fosthom mis-suldati armati bil-missili għal kontra t-tankijiet u l-inġenji tal-ajru.Dan meta t-tankijiet tal-gwerra tat-tip Leopard tal-Polonja, it-tankijiet Abrams tal-Istati Uniti u t-tankijiet Challenger tar-Renju Unit qed jieħdu sehem simultanjament fil-perjodi tal-isparar ( live firing) f’sit speċifikat, bħala taħriġ għal sitwazzjonijiet li jinħtieġu l-manuvri militari konġunti f’każ ta’ gwerra.

Fl-istess ħin priorità oħra tan- NIEDZWIEDZ 22 hi biex il-Brigata Pollakka tat-Tankijiet f’Lublin u t-18-ir-Riġment tal-Loġisitika tal-Armata Pollakka f’Lomza jiksbu ċ-ċertifikazzjoni ta’ CREVAL mill-Alleanza tan-NATO. Dan iċ-ċertifikat jikkonferma li taqsima militari għandha tkun kapaċi biex tiffunzjona skont il-kriterji li bihom in-NATO tiddetermina kemm qawwa militari partikulari hi tassew  ippreprata għall-kumbattimenti.