Internazzjonali

Ir-Russja: Putin jhedded lill-Punent bl-armi nukleari

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, għamilha ċara li lest li juża l-armi nukleari kontra l-pajjiżi tal-Punent f’sitwazzjoni fejn ‘is-sigurtà tar-Russja tispiċċa taħt theddida’. Il-kummenti ta’ Putin huma relatati fuq kollox għall-gwerra li għaddejja bħalissa fl-Ukrajna u, f’messaġġ speċifiku lill-mexxejja tad-dinja, xtaq jagħmilha ċara li hu ‘mhux qed jiċċajta f’din is-sitwazzjoni’.

L-istqarrijiet xokkanti ngħataw meta Putin kien qed jagħmel diskors uniku lill-poplu Russu fuq it-televiżjoni u li fih ħabbar li qed jimmobilizza mat-300,000 membru tar-riservi militari ta’ pajjiżu għall-gwerra fl-Ukrajna. Din il-mobilizzazzjoni hi l-ewwel ta’ dan it-tip fir-Russja miż-żmenijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija li kienet miġġielda bejn l-1939 u l-1945.

Vladimir Putin anki ħabbar referendums għar-reġjuni tal-Ukrajna okkupati mir-Russi u s-separatisti leali għal Moska bil-ħsieb li dawn isiru uffiċjalment ‘parti mir-Russja’. Hu sostna li għandu juża ‘il-mezzi kollha biex jiddefendi dawn it-territorji ġodda, l-istess bħalma għandhom jintużaw il-mezzi kollha għall-protezzjoni tar-Russja u l-poplu’.

Il-President Russu akkuża lill-Punent b’li qed jipprova ‘jaqsam u jaħtaf’ pajjiżu u enfasizza li ‘kulmin qed jipprova jirrikatta lir-Russja bl-armi nukleari għandu jkun jaf li s-sitwazzjoni kapaċi ddur malajr ħafna’.

Intant, xi osservaturi jemmnu li d-diskors ta’ Putin hu frott id-disprament attwali tad-dittatur Russu wara t-telfiet kbar u sinifikanti li sofrew il-qawwiet tar-Russja fl-aħħar ġimgħat tal-konflitt fl-Ukrajna.

L-irtirar konsistenti tat-truppi Russi miz-zoni Ukreni li kienu qegħdin jokkupaw kapaċi anki qed ifisser it-tmiem tal-hekk-imsejħa ‘azzjoni militari speċjali’…It-terminu li qed juża l-Kremlin biex jiġġustifika l-invażjoni tal-Ukrajna.

Madankollu, Putin qed jidher li jrid iżid it-tensjoni fuq livell ġeopolitiku bit-theddid dwar il-prospett ta’ attakk nukleari fuq l-alleati tal-Punent…Pajjiżi li ħalfu li bl-ebda mod mhuma se jaċċettaw ir-riżultati tar-referendums ‘finta’ fir-reġjuni Ukreni kontrollati mis-separatisti favur Putin.

L-istess pajjiżi—b’mod partikulari r-Renju Unit u l-Istati Uniti — huma anki determinati li jkomplu jgħinu lill-Ukreni biex jirreżistu u jegħlbu lir-Russi f’din il-gwerra.

Il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin, Dmytro Kuleba, qal li r-Russi jistgħu jippruvaw li jridu għaliex xejn mhu se jinbidel fil-konflitt u meta l-Ukreni għandhom kull dritt li jkomplu jilliberaw it-territorji tagħhom mill-preżenza tal-għadu.

Min-naħa tiegħu,Mykhailo Podolyak – konsulent għall-President Ukren Volodrymyr Zelensky – qal li l-aħħar thedded minn Putin hu ‘prevedibbli’ waqt li juri li l-gwerra fl-Ukrajna mhix għaddejja skont il-pjan tal-Kremlin.

Podolyak qal li l-mobilizzazzjoni tal-mijiet tal-eluf tar-riservisti militari żgur li mhix se tinżel tajjeb fost il-poplu Russu, filwaqt li akkuża lil Putin b’li qed jipprova jwaħħal fil-Punent għal gwerra bla provokazzjoni li kien beda huwa stess.

Mhux ċar meta t-truppi mobilizzati jkunu jistgħu jidħlu għas-servizz militari fl-Ukrajna u dan il-pass mhu se jagħmel xejn biex isolvi problemi kbar oħra għall-Armata Russa fl-Ukrajna – f’dan il-każ nuqqas ‘kroniku’ ta’ tagħmir u provvisti flimkien ma’ issues loġistiċi oħra li qed joħolqu aktar intoppi għall-magna tal-gwerra ta’ Putin.

Intant, il-President Russu u l-Ministru għad-Difiża tiegħu, Sergei Shoigu, qalu li din il-mobilizzazzjoni ta’ riservisti hi biss waħda parzjali u mgħandhiex taffettwa liċ-ċittadini ordinarji u l-istudenti fir-Russja. Din il-mobilizzazzjoni bdiet diġà  u qed tinkludi lir-Russi b’esperjenza ta’ servizz militari u kundizzjonijiet ta’ gwerra.

L-aħħar żviluppi fil-Gwerra tal-Ukrajna se jkunu ndirizzati fl-aħħar sigħat waqt laqgħa għall-Mexxejja tal-pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, fl-Istati Uniti.