Lokali Qorti

Jaħrab minn tieqa wara li sieħbu ħebb għalih b’sikkina

Libjan ta’ 32 sena residenti San Ġwann nstab ħati li hedded u weġġa’ raġel li jgħix miegħu. Il-Libjan kien akkużat ukoll li għamel ħsara fil-bieba tal-vettura tal-vittma u li kiser il-paċi pubblika.

Il-vittma qal li fis-6 ta’ Settembru li għadda l-imputat ħebb għalih b’sikkina u heddu li kien se joqtlu wara li kellhom xi jgħidu fuq air condition. Il-vittma kien ġarrab ġrieħi ħfief f’dan l-argument.

Huwa kompla jispjega li wara l-argument sakkar lilu nnifsu fil-kamra tal-banju u ħareġ minn tieqa sabiex isib refuġju għaliex ma riedx jgħix mal-imputat.

Barra minn hekk, il-vittma għamel rapport ieħor li fl-14 ta’ Settembru waqt li kien għaddej minn San Ġiljan bil-vettura tiegħu sema’ lil xi ħadd jgħajjatlu u joffendieh. Kien hawn li l-imputat ġarrab xi ħsarat fuq il-vettura tal-vittma.

Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Leonard Caruana sabet lill-akkużat ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih. Huwa ingħata sentenza ta’ sentejn probabtion kif ukoll ġie ordnat iħallas il-ħsarat li għamel fuq il-vettura. Jekk jagħmel kuntatt mal-vittma huwa jeħel multa ta’ €7,000.