L-Għaqda Repubblika bagħtet ittra lill-Prim Ministru Robert Abela rigward il-pożizzjoni tal-Avukat Pawlu Lia fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Repubblika tinsisti li l-Avukat Pawlu Lia għandu jkun sostitut ma’ persuna li tkun tista’ taqdi l-funzjoni tagħha fil-Kummissjoni mingħajr ma jkun hemm intimidazzjoni espliċita jew impliċita tal-fergħa eżekuttiva fuq il-ġudikanti.
Il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina kiteb li r-rappreżentanza tal-Gvern fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja fil-forma preżenti hi dell fuq l-indipendenza tal-ġudikatura u fuq il-ġustizzja f’pajjiżna għal tlett raġunijiet.
L-ewwel raġuni tgħid li l-Avukat Pawlu Lia nħatar mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat u huwa avukat li jippratika fil-qrati taħt awtorita’ ta’ mħallfin u maġistrati li jistgġu jispiċċaw jidhru quddiemu bħala membru tal-Kummissjoni. Aquilna jisħaq li dan se jkun konflitt li jippreġudika l-indipendenza tal-ġudikanti.
It-tieni raġuni tgħid li l-avukat għandu parentela mill-qrib ma’ membru tal-ġudikatura. Dan il-fatt huwa diġa’ magħruf u se tiġi dibattuta fil-qrati superjuri. Barra minn hekk, l-Gvern għandu jevita li jaħtar qraba ta’ ġudikanti għal din il-pożizzjoni.
L-aħħar raġuni msemmija f’din l-ittra tgħid li l-Avukat Pawlu Lia kien u għadu l-avukat tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Barra minn hekk, Joseph Muscat hu indizjat f’numru konsiderevoli ta’ inkjesti maġisterjali li għaddejjin u li jistgħu jipproċedu fi prosekuzzjonijiet fil-qrati kriminali. Aquilna kiteb li jekk pajjiżna jrid tassew juri li l-liġi hi l-istess għal kulħadd u li min jiksirha jkollu jiskonta l-konsegwenzi previsti mil-liġi, hi x’inhi l-pożizzjoni ta’ poter li kellu jew li għandu, ma jistax ikun li l-avukat ta’ Joseph Muscat iżomm il-pożizzjoni li tah biex jindaħal u jinfluwenza l-proċess ġudizzjarju biex lill-klient tiegħu jiskansalu dak li ħaqqu.
//= $special ?>