Internazzjonali

L-Iran: Tensjoni fl-ibliet waqt li n-nisa jaħarqu x-xalel tar-ras bi protesta

In-nisa qed ikunu fuq quddiem waqt numru ta’ protesti li qegħdin jeskalaw f’numru ta’ bliet Iranjani wara li mara li kienet kisret ir-regoli dwar l-ilbies stabbilit għan-nisa Iżlamiċi mietet waqt li fil-kustodju tal-pulizija.

Il-mara, li kienet jisimha Mahsa Amini, spiċċat arrestata wara li kisret ir-regoli dwar il-hijab (ix-xalla tar-ras obbligatorja) u issa n-nisa li qed jieħdu sehem fil-protesti qegħdin jaħarqu x-xalel tagħhom b’turija ta’ solidarjetà ma’ dik il-mara.

Il-folol li kienu qed jipprotestaw fil-belt ta’ Sari applawdew waqt li n-nisa preżenti xeħtu l-hijabs tagħhom f’ħuġġieġa – bl-inkwiet ikompli għall-ħames lejl konsekuttiv u meta qed jinferex għal numru akbar ta’ bliet Iranjani.

Fl-aħħar sigħat, l-attivisti qalu li żewġ irġiel li kienu qed jipprotestaw fl-inħawi ta’ Urmia u Piranshahr spiċċaw maqtula mill-qawwiet tas-sigurtà u b’rapporti oħra jgħidu li assistent tal-pulizija wkoll spiċċa jitlef ħajtu waqt inċident vjolenti f’Shiraz.

Jaħsbu li talanqas sitt persuni sfaw maqtula mindu żbruffaw il-protesti kontra l-liġijiet li jirregolaw l-ilbies tal-hijab u kontra l-pulizija Iranjana responsabbli mill-moralità skont il-kriterji Iżlamiċi. L-imwiet kollha kienu dovuti għal sensiela ta’ inċidenti mindu tħabbret il-mewt ta’ Mahsa Amini.