Lokali

Malta llum tfakkar ‘Jum l-Indipendenza’

Pajjiżna llum qed ifakkar it-58 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza: kisba li kienet frott il-vizjoni tal-Partit Nazzjonalista, dak iż-żmien immexxi minn Gorg Borg Olivier.

Il-jum li fih il-Maltin u l-Għawdxin, bi kburija, raw il-Bandiera tar-Renju Unit nieżla. U minflokha, titla’ għall-ewwel darba l-Bandiera Maltija bl-ilwien bojod u ħomor.

Il-gżejjer tagħna f’din il-ġurnata qed ifakkru t-58 sena mit-twelid ta’ stat sovran biex minn dakinhar stajna ngħidu li għandna verament rajna f’idejna. Twelid ta’ nazzjon li, pass pass sar ukoll Repubblika u eventwalment issieħeb b’mod sħiħ bħala stat membru fl-Unjoni Ewropea.

Il-21 ta’ Settembru tibqa’ gurnata speċjali immens għall-poplu Malti u Għawdxi – mhux biss il-memorji ta’ dak li kien seħħ fix-xagħra tal-Floriana, iżda memorji ta’ kif konna kapaċi negħlbu kull sfida u nirnexxu bħala pajjiż matul il-medda tas-snin.