Lokali

Żewġ irġiel iweġġgħu f’żewġ inċidenti separati

Sewwieq ta’ mutur u raġel sofrew ġrieħi gravi wara li lbieraħ filgħaxija kienu involuti f’inċidenti separati tat-traffiku.

L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tas-sitta fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa. Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li Eġizzjan ta’ 46 sena ntlaqat minn Toyota Auris li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 22 sena residenti Ħaż-Żabbar.

It-tieni inċident ġara għall-ħabta tas-sebgħa u kwart fi Triq Tumas Chetcuti, Ħ’Attard fejn Taljan ta’ 21 sena tilef il-kontroll tal-mutur li kien qiegħed isuq, tat-tip Niu N1S, u waqa’.

Tim mediku ta l-assistenza fiż-żewġ inċident u ż-żewġt irġiel ittieħdu l-isptar b’ambulanza, fejn ġew iċċertifikati li weġġgħu gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.