Lokali

Żewġt irġiel jinqabdu jisirqu minn ħanut f’Birkirkara

L-Erbgħa filgħodu żewġt irġiel ġew arrestati wara li nqabdu jisirqu minn ħanut fi Triq il-Wied Birkirkara.

Is-serqa seħħet għall-ħabta tad-8:45am hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata li qegħda issir serqa minn ħanut f’Birkirkara.

Il-Pulizija marret mill-ewwel fil-post, għamlet spezzjoni u fuq wara tal-ħanut innotat li kien hemm bieb tal-ħġieġ imkisser kif ukoll xi ħadd fuq il-bejt. Kien għalhekk li ssejħu sezzjonijiet differenti tal-Pulizija u flimkien daħlu fil-ħanut u bdew jispezzjonaw kamra kamra f’kull sular.

Malli waslu fit-tielet sular, instemgħu ħsejjes u ġew innutati passi li jwasslu għat-toilets. Il-Pulizija segwew il-passi però nnutaw li l-bieb kien imsakkar minn ġewwa li jindika li kien hemm xi ħadd. Il-pulizija bdew jippruvaw ikellmu lil min kien wara l-bieb iżda wara ħafna tentattivi biex jikkopera ħadd ma fetaħ u għaldaqstant kissru l-bieb, u għall-ħabta tal-10:00am ġiet arrestata l-ewwel persuna.

Minħabba s-suspett li kien hemm iżjed nies ġewwa, il-Pulizija bdiet ukoll tara l-filmati tal-kameras tas-sigurtà u raw li l-arrestat ma kienx waħdu u hemm persuna oħra li kienet għadha ġewwa.

Għalhekk komplew it-tfittxijiet sakemm il-kelb tal-Pulizija, Thor, għall-ħabta tas-2:00pm, immarka li hemm xi ħadd fis-suffett. Il-Pulizija imxew fejn immarka Thor, kissru biċċa mis-suffett u sabu lit-tieni persuna. Dan xorta waħda pprova jaħrab imma ġie arrestat immedjatament.

Iż-żewġt irġiel ta’ 37 u 25 sena t-tnejn residenti Birkirkara, ittieħdu l-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.