F’mument meta l-Gvern qed jitlob mill-poplu issikkar taċ-ċintorin, u meta diġa’ qata’ mal-miljun ewro f’fondi għall-Università – Robert Abela għażel li jtajjar xejn anqas minn €140,000 biex tella’ New York delegazzjoni ta’ 30 persuna. Dan meta ż-żjara kienet waħda primarjament intiża biex hu bħala Prim Ministru jindirizza l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
It-Times żvelat li Robert Abela fi New York ħa miegħu l-familja, fotografu personali, cameraperson personali, u crew separat li tqabbad apposta. Dan apparti diversi uffiċjali minn Kastilja.
Preżenti, kif jiġri dejjem f’dawn l-okkażjonijiet, hemm il-fotografu tad-DOI.
Fl-istess waqt fi New York hemm ukoll preżenti l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, flimkien mat-timijiet li tellgħu mill-Ministeri tagħhom.
Intant, waqt li għaddejin il-lagħqat tan-Nazzjonijiet Uniti, Lydia Abela – mart il-Prim Ministru – attendiet għal avveniment tal-moda li sar fi New York, bit-tema tkun l-iżvilupp sostenibbli.
Il-Prim Ministru jirritorna Malta nhar it-Tnejn.