Lokali

“Agħmel konsultazzjoni pubblika qabel tmur il-Parlament”

Il-Prim Ministru għandu immedjatament jippubblika l-pariri dwar riformi tal-liġijiet li jolqtu l-libertà tal-espressjoni u l-ġurnaliżmu, li diġà ngħataw mill-esperti li ħatar hu stess. Qabel imur il-Parlament b’xi proposta ta’ liġi, għandu jippubblika l-intenzjonijiet tal-Gvern għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa u effettiva. Il-libertà tal-espressjoni ma tistax titħares b’liġijiet li jitfasslu fis-sigriet.

Aktar kmieni illum, grupp ta’ persuni attivi fil-qasam tal-ġurnaliżmu u tal-ħidma għall-espressjoni ħielsa, bagħtu dan l-appell lill-Prim Ministru li ġie ffirmat minn 103 persuni.

Dan l-appell qawwi qed isir minn 11-il editur u diversi ġurnalisti, akkademiċi, persuni li jaħdmu fil-midja u fil-qasam tal-arti u tat-teatru, esperti legali, attivisti, membri ta’ għaqdiet diversi u persuni li għandhom għal qalbhom id-dritt kostituzzjonali għall-espressjoni ħielsa.

Kien f’Jannar tal-2022 meta l-Prim Ministru ħatar grupp ta’ esperti biex jagħtuh parir dwar riformi fil-leġiżlazzjoni dwar il-qasam tal-ġurnaliżmu. Il-grupp għadda rapport lill-Prim Ministru fl-1 ta’ Ġunju li għadda.

Dan ir-rapport baqa’ ma ġiex ippubblikat minkejja li Robert Abela kien wiegħed li jippubblika r-rapport fi żmien għaxart ijiem minn meta jirċevih.