Sport Waterpolo

Eċċezzjonali … it-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena uffiċjalment fost l-aqwa 10 tal-Ewropa

Rapport: Stewart Said

MALTA………….. 10

GEORGIA……….. 7

(2-2), (2-2), (2-2), (4-1)

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena żgur li jinsab fuq fomm kulħadd fost il-parteċipanti tal-Kampjonat Ewropew. B’wirja oħra ta’ żgħażagħ determinati u mmexxija mill-kowċ Anthony Farrugia, iż-żgħażagħ Maltin rebħu 10-7 kontra Georgia.

B’dan ir-riżultat, dawn il-grupp ta’ żgħażagħ daħlu uffiċjalment fost l-aqwa għaxra tal-Ewropa, xhieda tax-xogħol tajjeb li sar ma’ dawn iż-żgħażagħ. Il-mira issa l-finali għad-disa’ u l-għaxar post nhar is-Sibt kontra l-Olanda, l-istess tim li Malta tilfet 8-7 aktar kmieni din il-ġimgħa.

It-tim Malti kien attent biex wieġeb darbtejn għall-gowls tal-avversarji. L-ewwel kien Jake Bonavia li ġab id-draw imbagħad kien Gianni Farrugia li għamilhom 2-2 minn penalty.

It-tieni sessjoni kienet aktar movimentata hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jagħrfu li d-differenza bejn it-tnejn hi minima u dan beda jwassal għal diversi sitwazzjonijiet ta’ superjorità numerika.

Il-plejers Maltin skorjaw iż-żewġ gowls minn superjorità numerika liema gowls kienu poġġewhom fil-vantaġġ momentarjament. Iżda din id-darba kien imiss lill-avversarji li jwieġbu għaż-żewġ gowls, bit-tim Malti jfalli wkoll żewġ penalties.

Alec Fenech kien poġġa lil Malta 6-5 minn fuq b’doppjetta fit-tielet sessjoni sakemm Besarion Akhvlediani ġab id-draw fl-aħħar minuta tas-sessjoni.

Kollox kellu jkun deċiż fl-aħħar sessjoni bit-tim Malti joħroġ l-aħjar tiegħu u assigura r-rebħa b’doppjetta ta’ Matthew Mifsud u gowls ta’ Jake Cachia u Gianni Farrugia lejn it-tmiem.

Malta: A. Bugeja, M. Mifsud (2), S. Gialanze, R. Caruana, J. Cachia (1), D. Tully, J. Cutajar, M. Castillo (1), K. Borg, J. Bonavia (1), A. Fenech (2), G. Farrugia (3), M. Bonello du Puis

Georgia: G. Chagelishvili, G. Kozashvili, S. Matchavariani, T. Ivachidze, A. Bagashvili, S. Tkeshelashvili (1), B. Akhvlediani (2), G. Eristavi, D. Chkheidze (2), G. Kiriakidi (1), L. Chikovani, A. Mikautadze (1), D. Tchumburidze

Referees: Akif Uz (Turkija), Peter Radic (Slovakkja)