Lokali

Il-Kulleġġ San Albert qed jitmexxa b’mod inkompetenti – MUT

L-Union tgħid li m’hemm ebda sinjal ta’ pjan għal bidu tas-sena skolastika ġdida

L-MUT mhux se tkun qed taċċetta li r-Rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir, flimkien mal-bord u l-provinċja Dumnikana jixħtu l-ħtija tal-kriżi li hemm fl-iskola fuq l-edukaturi u l-istess union.

Fi stqarrija saħqu li skonthom kienet ċara mill-bidu li r-Rettur tal-Kulleġġ huwa inkompetenti fejn komplew jisħqu li l-bord iddikkjara gwerra fil-konfront tal-edukaturi u l-MUT.

Dan billi ntbgħatu tlett ittri legali lill-Assistant Heads wara li pparteċipaw fi protesta paċifika, li sar rapport mal-Pulizija u li fost oħrajn saru wegħdiet fażulli.

L-MUT saħqet li tinsab infurmata li numru ta’ ġenituri neħħew lill-uliedhom mill-Kulleġġ u se jkunu qed jibgħatuhom fi skejjel oħra.

Dan filwaqt li l-union saħqet li r-Rettur tal-Kulleġġ ma jinsabx f’pożizzjoni li jwassal garanzija lill-għalliema u lill-istudenti għax maħkum mill-paniku. Huma saħqu li s’issa l-iskola m’għandhiex timetable tas-sena skolastika, lanqas allokazzjoni tal-istudenti fil-klassijiet u lanqas LSE’s mqassma.

Dan filwaqt li l-MUT insistiet li l-iskola preżentament m’għandhiex liċenzja biex topera.

Hija saħqet li l-union ċertament mhux qed twettaq sabutaġġ imma li s-sabutaġġ sar meta r-rettur u l-bord keċċew lill-eks Surmast Mario Mallia.