Lokali

Il-Kulleġġ St Albert jakkuża lill-MUT b’sabutaġġ

L-amministrazzjoni tal-Kulleġġ ta’ San Albert se tibqa’ taħdem għall-aqwa interessi tal-istudenti u tal-iskola… la darba kulħadd jikkopera l-iskola Sekondarja se tkun tista’ tiffunzjona mingħajr il-bżonn ta’ pjan ta’ kontinġenza.

Hekk intqal fi stqarrija maħruġa mit-tmexxija tal-Kulleġġ ta’ San Albert il-Kbir fejn ġie espress it-tħassib tagħhom għal dak li ddeskrivew bħala attentati irresponsabbli ta’ sabutaġġ minn naħa tal-Unjin tal-Għalliema sabiex ixxekkel il-ftuħ tas-sena akkademika l-ġdida. Dan, kompliet l-istqarrija, minkejja t-tentattivi kontinwi biex jintlaħaq kompromess.

Fl-istqarrija ntqal kif minkejja li l-Ħamis waranofsinhar saret laqgħa amikevoli bejn it-tmexxija tal-iskola u l-MUT xorta waħda l-Unjin għadha qed tordna lil żewġ membri tagħha sabiex ma jikkollaborawx mas-Surmat il-ġdid tal-Iskola Sekondarja…sabiex tiġi finalizzata t-timetable tas-sena akkademika l-ġdida.

Dan filwaqt li ġie spjegat li fl-aħħar ġimgħat, ir-Rettur tal-Kulleġġ organizza diversi laqgħat kemm mal-edukaturi kif ukoll mal-ġenituri tal-istudenti sabiex isibu flimkien triq ‘il quddiem.

Għaldaqstant il-Kulleġġ insista li se tkun qed iżżomm lill-MUT responsabbli ta’ kwalunkwè dannu li se tkun qed issofri kawża tal-aġir tal-union.

Dan filwaqt li għal darb’oħra appellat għall-kollaborazzjoni sħiħa għall-ġid u l-interessi tal-istudenti.