Lokali

Inċertezza dwar jekk il-Kulleġġ San Albert hux se jiftaħ jew le

L-Arċidjoċesi tħabbar pjan ta’ kontinġenza għall-istudenti u l-istaff tal-Kulleġġ

Hekk kif f’dawn il-jiem il-bibien tal-iskejjel se jibdew jilqgħu lura fi ħdanhom lill-istudenti…l-uġigħ ta’ ras għall-ġenituri li uliedhom jattendu l-Kulleġġ San Albert għadha waħda preżenti. Sal-lum il-urnata għadu ħadd ma jaf jekk dan il-kulleġġ hux se jkun qed jiftaħ jew le.

Dan wara li l-Arċidjoċesi ta’ Maltas spjegat li qed tħejji pjan ta’ kontinġenza biex tilqa’ fl‑istrutturi edukattivi tagħha l‑istudenti u l‑istaff tal‑Kulleġġ San Albert il‑Kbir la darba l‑iskola ma tkunx f’pożizzjoni li tiffunzjona fil‑bidu ta’ din is‑sena skolastika.

L‑Arċidjoċesi, spjegat li permezz tas‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, ilha għal diversi ġimgħat involuta b’mod attiv f’taħditiet sabiex tiġi identifikata t‑triq ’il quddiem għall‑partijiet kollha, wara d‑deċiżjoni tal‑Ordni Dumnikan — li hu responsabbli mill‑kulleġġ — li jkeċċi l‑eks surmast tal‑iskola.

Fi stqarrija, l‑Arċidjoċesi esprimiet id‑diżappunt tagħha li l‑kwistjoni għadha mhix solvuta ftit jiem qabel il‑bidu ta’ sena skolastika ġdida.

Dan filwaqt li ġie spjegat li l‑għan ewlieni tas‑Segretarjat jibqa’ li jħeġġeġ għal diskussjonijiet li jħallu riżultat pożittiv bejn l‑Ordni Dumnikan u l‑Unjin tal-Għalliema..

Madanakollu, fl‑istess waqt is‑Segretarjat daħal għar‑responsabbiltà li jħejji pjanijiet alternattivi fl‑eventwalità li t‑taħditiet ma jkomplux.

Ġie spjegat ukoll li waqt laqgħa li saret mal-Arċisqof Charles Scicluna, il‑ġenituri esprimew it‑tħassib tagħhom dwar l‑inċertezza tal‑edukazzjoni ta’ uliedhom, bl-Arċisqof jinsisti li se jonora l‑impenn li ħa biex iħares il‑ġid tal‑istudenti li huwa, u jrid jibqa’, prijorità ewlenija”.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li l-inċertezza tinsab biss fis-sezzjoni tas-Sekondarja, hekk kif fuq livell ta’ Kinder u Primarja jidher li l-iskola se tkun qed tiftaħ b’mod normali.