Lokali Qorti

“Kellu biss l-intenzjoni li jbeżżgħu u mhux li jtajjru bil-karozza u għamilha għax hedded lil ibnu” – il-Qorti

Raġel ta’ 36 sena residenti l-Gżira kellu l-intenzjoni li jbeżża’ żagħżugħ taħt l-età li kien hedded bil-qtil lil ibnu u mhux li jtajjru bil-karozza meta saq lejn id-direzzjoni tiegħu. Huwa ma kellux l-intenzjoni volontarja li jtajru u li jweġġgħu gravi qalet il-Maġistrat f’sentenza li tagħat aktar kmieni dan ix-xahar.

F’Novembru tal-2019 Saviour Magro, l-akkużat, flimkien ma’ ibnu Leon kien sejrin lejn l-Għassa ta’ San Ġiljan bil-vettura tagħhom. Saviour Magro kien sejjer biex jirrapporta lil ċertu Pawlu Spagnol għax allegatament kien ħebb għal ibnu f’San Ġwann u heddu li kien se joqtlu.

Il-Prosekussjoni mmexxija mill-Ispettur Joseph Xerri qalet li minn dak li qal l-akkużat f’nofs triq, quddiem il-Knisja ta’ San Ġwann, Saviour Magro inzerta lit-tifel ta’ Pawlu, Nico Spagnol fuq il-bankina quddiem il-knisja u fil-pront kiser u saq lejn id-direzzjoni tiegħu.

Magro xehed li meta kien fi triqtu lejn l-Għassa ta’ San Ġiljan lemaħ lil Niro n-naħa l-oħra tat-triq quddiem il-knisja fi Triq In-Naxxar flimkien ma’ tnejn oħra. Xehed li waqaf f’nofs ta’ triq u qallu li kien iddejjaq u ma jiflaħx iżjed għal dawn il-kummiedji u kien sejjer jagħmel rapport l-Għassa.

Il-Prosekuzzjoni ssostnit li kieku Niro Spagnol ma qabiżx il-ħajt taz-zuntier tal-Knisja, kien jintlaqat bil-vettura tal-imputat u għaldaqstant xliet lill-imputat bir-reat ta’ attentat ta’ offiża ta’ natura gravi fuq il-persuna ta’ Niro Spagnol. Madankollu huwa ċaħad li pprova jsuq fuq Niro u li tela’ l-bankina għax fin-nofs hemm central strip u l-bankina għolja wisq biex titla’ fuqha bil-karozza.

Sadaniitant il-qiegħa kompliet tisħon quddiem l-Għassa ta’ San Ġiljan meta l-akkużat sab lil Nico, l-allegat vittma u lil missieru fil-parapett tal-Għassa. Kien hawn li Saviour Magro ħareġ mill-karozza b’sikkina twila 14-il ċentimetru u martell u beda jhedded lil Spagnol li kien se jpattihielu. Huwa twaqqaf fil-pront minn uffiċjal tal-pulizija fl-Għassa li qabeż mill-parapett, żamm lill-imputat u ħadlu s-sikkina u l-martell minn idu. Dan fil-preżenta ta’ numru ta’ pulizija.

Ried biss ibeżżgħu

Il-Qorti qalet li mix-xhieda li semgħet huwa minnu l-akkużat saq fid-direzzjoni tat-tifel, iżda qalet li dan ma jfissirx li kellu l-intenzjoni diretta u speċifika li b’mod volontarju jtajjru u jikkaġunalu ġrieħi gravi lil Spagnol. “Ki kieku verament ried itajru kien jibqa’ dieħel fih bil-karozza tiegħu,” qalet il-Maġistrat Montebello.

Il-qorti qieset ukoll li kien kważi imposssibbli li l-akkużat seta’ jtella’ veloċità li biha seta’ jibqa’ tiela’ fuq il-bankina u jtajjar lill-vittma. Qalet li l-provi juru li l-imputat waqqaf il-karozza tiegħu minn rajh qabel rifes il-bankina. Wara li ħasbet fit-tul dwar din il-materja, qieset li għalkemm għemilu mhux ġustifikat mhix konvinta li aġixxa b’mod li naqas milli jikkalkula l-effetti kollha previdibbli ta’ għemilu u mhix konvinta lanqas li ried jikkaġuna offiża volontarja fuq Niro Spagnol.

Anzi għall-kuntrarju temmen li l-azzjonijiet tal-imputat kienu meqjusin propju biex jikkaġunaw biża’ fil-vittma. Dwar l-inċident li seħħ quddiem l-Għassa ta’ San Ġiljan Montebello osservat li m’hemm xejn fix-xhieda tal-allegati vittmi li din turi li t-theddid tal-akkużat nissel fihom biża’ li se tintuża vjolenza kontrihom.  

Qieset ukoll li fl-ebda mument mal-akkużat rifes it-taraġ tal-Għassa jew irnexxielu jħebb għalihom bl-arma f’idu. Il-qorti qieset ukoll li r-reat seħħ għax sa ċertu punt kien motivat mill-aggessjoni li kien għadu kif ġarrab ibnu li huwa taħt l-età.

Il-qorti kkundannatu multa ta’ €116 u ammenda ta’ €58 u rabtitu wkoll li jżomm il-paċi ta’ Paul Spagnol u Niro Spagnol b’penali ta’ €1,5000 għal żmien 12-il xahar. Dan ukoll fid-dawl tal-fatt li l-imputat ma ressaqx prova konvinċenti li huwa kellu bżonn iġorr fuqu sikkina għall-iskop tax-xogħol tiegħu u ma kellu l-ebda arma reġistrata li dwarha kellu liċenzja mill-Kummissarju tal-Pulizija.