Fid-dawl ta’ tbassir ta’ maltemp fuq il-gżejjer Maltin matul l-24 siegħa li ġejjin, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), tappella lil min iħaddem kif ukoll lill-ħaddiema sabiex jaġġornaw ruħhom dwar ir-riskji u l-perikli assoċjati ma’ dawn il-kundizzjonijiet tat-temp sabiex jiġu skansati problemi ta’ saħħa u inċidenti li saħansitra jista’ jkollhom konsegwenzi serja.
F’siti ta’ kostruzzjoni, l-OHSA tirrakkomanda lis-sidien ta’ siti ta’ kostruzzjoni jew xogħolijiet oħra, sabiex jiżguraw li scaffoldings, pontijiet, galleriji, aperturi u xbieki ma’ faċċati jkunu siguri fost oħrajn, filwaqt li għandhom jittieħdu l-miżuri kollha skont il-liġi biex titħares is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha. Dawn jgħoddu wkoll għal xogħolijiet oħra inkluż it-trasport, xogħol fil-għoli u xogħol fuq barra, fost oħrajn.