Artiklu: Stewart Said
“Ma nistax inkun kuntent iktar b’dan il-grupp ta’ plejers.” Dawn kienu l-ewwel kliem tal-kowċ nazzjonali taħt id-19-il sena Anthony Farrugia wara r-rebħa kontra Georgia, liema rebħa fissret li ż-żgħażagħ huma assigurati minn post mal-aqwa 10 fil-Kampjonat Ewropew.
Farrugia qal li għalkemm it-tim tilef diversi okkażjonijiet u penalties, it-tim wera r-rieda mill-bidu sal-aħħar li jagħmel pass ieħor. Iż-żgħażagħ Maltin lagħbu din il-logħba, anqas minn 20 siegħa wara t-telfa ta’ 8-3 kontra l-qawwa tal-Greċja, bl-istess Farrugia jħossu sorpriż kif il-plejers baqgħu jissieltu anki wara ftit mistrieħ u logħba diffiċli.
“Il-plejers huma vera professjonisti. Dalgħodu fis-7.00am, kienu diġà barra. Ħadthom mixja għar-rilassament u kielu sew biex ikunu preparati. Grazzi wkoll lil Dejan Ilic li kien ta’ għajnuna għalija minbarra li ħarreġ lill-gowlkipers kif ukoll lil John Xerri de Caro li prepara l-plejers u ħa ħsiebhom fiżikament.”
L-aħħar avversarji f’dan il-Kampjonat Ewropew huma l-Olanda, l-istess tim li lura f’April rebaħ lit-tim Malti 12-7. Ftit jiem ilu fil-grupp, l-Olandiżi rebħu 8-7 f’logħba li t-tim Malti faċilment seta’ ħareġ b’xi ħaġa minnha.
Għalkemm intlaħaq tragward importanti, Farrugia mhux qed jistrieħ fuq dawn ir-riżultati. “Se nilagħbu bla pressjoni imma dawn iż-żgħażagħ xorta deħlin għal-logħba biex jirbħuha.” Malta tilgħab għad-disa’ u l-għaxar post nhar is-Sibt fis-7.00pm.
//= $special ?>