Lokali Qorti

Minn multa ta’ €15,000 għal 60 siegħa xogħol fil-kommunità fuq logħob tan-nar fix-Xewkija

Żewġt irġiel li kienu mmultati €15,000 mill-Qorti tal-Maġistrati dwar logħob tan-nar perikoluż fix-Xewkija fl-2018, fejn kien weġġa’ raġel, kellhom il-piena mibdula għal 60 siegħa xogħol fil-komunità mill-Qorti tal-Appell Kriminali wara li l-imħallef Consuelo Scerri Herrera ikkonkludiet li l-multa kienet eċċessiva meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ.

L-ewwel Qorti kienet illiberat seba’ rġiel li kienu responsabbli li kkaġunaw ġreħi gravi u dan għaliex ċertifikat mediku kien jgħid li dan weġġa’ ħafif u li każ fir-rigward tal-vittma kien preskritt. Kienu biss Edmond Camilleri ta’ 51 sena u Stephen Borg ta’ 44 sena li ħarqu n-nar b’mod illegali.

Edgar Ellul ta’ 68 sena, Elton Cauchi ta’ 43 sena, Anthony Caruana ta’ 55 sena, Charles Caruana ta’ 45 sena u Trevor Vella ta’ 47 sena kienu ġew illiberati. L-irġeil kienu ġew mixlijin mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri li fil-21 ta’ Ġunju 2018, fix-Xewkija, ħarqu stoppini ta’ dijametru akbar minn ċentimetru u li b’nuqqas ta’ ħsieb weġġgħu gravi raġel.

Kien irriżulta li l-logħob tan-nar inħaraq minn fuq ‘scaffolding’ f’għalqa għall-ħabta tal-11pm. Wara li semgħet il-provi il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkonkludiet li fil-konfront ta’ Ellul, il-persuna liċenzjata, ma ġiex pruvat li kien hu li pprovda n-nar li nħaraq anke jekk il-probabbiltà kienet li iva waqt li semmiet li dan ma kienx fuq il-post dak il-ħin. Il-Maġistrat qalet li l-provi wrew ukoll li kienu biss Borg u Camilleri li kienu qed jaħarqu n-nar.

L-Ewwel Qorti kienet qalet li ż-żewġ persuni li nstabu ħatja kienu tal-mestier, kienu liċenzjati bil-Liċenzja A u għalhekk kienu jafu li l-istoppini li kienu qed jaħarqu kienu ta’ dijametru li kien akbar minn ċentimetru. Madankollu l-prosekuzzjoni minn naħa tagħha lanqas ippruvat li l-akkużati l-oħra kienu kompliċi għax kienu fit-triq u mhux fuq l-iscaffolding fejn beda jinħaraq in-nar.

Lanqas ma rriżulta li kienu jafu tal-ispeċifikazzjonijiet tan-nar li ġie maħruq minn sħabhom għalkemm il-Qorti qalet li tista’ tippreżumi li hekk kien seħħ! Peress li kienu biss Borg u Camilleri li appellaw mill-piena, bil-ħames t’irġiel l-oħra jiġu lliberati l-Imħallef Scerri Herrera semgħet il-każ tagħhom u qalet li minkejja li fihom issib ħtija l-piena kienet waħda eċċessiva meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ.

Kien għalhekk li ħassret il-multa ta’ €15,000 li weħlu ż-żewġt irġiel u ordnat li minflok jagħmlu 60 siegħa xogħol fil-komunità. Għall-irġiel deher l-Avukat Arthur Azzopardi filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.