Lokali

Sejħa għal kundizzjoni aħjar u drittijiet mħarsa fid-dinja tax-xogħol – PN

Il-PN se jniedi kampanja favur kwalità ta’ ħajja aħjar għall-ħaddiema

Kundizzjonijiet – drittijiet u xogħol. Din hija t-tema ta’ kampanja li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed iniedi sabiex jiġu studjati u tittieħed azzjoni dwar il-problemi li jeżistu fid-dinja tax-xogħol f’pajjiżna bil-għan li jiġu indirizzati għal ġid tal-impjegati u min iħaddimhom.

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputati Ivan Castillo, Graziella Attard Previ u Darren Carabott intqal kif il-Gvern Laburista għal diversi xhur naqas milli jindirizza l-problema li qed iħabbtu wiċċhom maghhom dawk imsejħa bħala platform workers bħal xufiera tat-taxi, carers u xufiera tad-deliveries tal-ikel…fejn ġie spjegat li dawn qed jaħdmu fuq bażi ta’ skjavitù moderna.

Dan minkejja li għal 3 snin, il-Gvern kellu f’idejh liġi introdotta mill-Unjoni Ewropea; liġi li suppost kellha tidħol fis-seħħ f’pajjiżna f’Awwissu ta’ din is-sena.

Id-Deputat Ivan Castillo sostna li l-Gvern tal-Labour ma għamel xejn fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ dawk il-ħaddiema li jaħdmu permezz ta’ kuntratti deskritti bħala zero hour…u li m’għandu ebda soluzzjonijiet. Huwa saħaq li konsegwenza ta’ hekk dawn il-ħaddiema qed jiġu trattati bħala skjavi moderni.

Huwa insista li l-ħaddiema għandhom jiġu rispettati u protetti b’mod effettiv. Għaldaqstant insista li dawk il-ħaddiema li jemmnu li d-drittijiet tagħhom ikunu nkisru, għandhom ifittxu rimedju f’livell nazzjonali permezz ta’ awtoritajiet kompetenti, bħall-qrati tax-xogħol jew permezz tal-ombudsman.

Għaldaqstant Partit Nazzjonalista se jkun qed jagħmel numru ta’ laqgħat matul dan ix-xahar sabiex jiġu identifikati l-bżonnijiet halli tittejjeb il-kwalita tal-ħajja tal-ħaddiema.

Id-Deputat Darren Carabott sostna li l-Partit Nazzjonalista jrid jiffoka fuq 3 punti partikolari fosthom li t-tribunal industrijali jkun aktar awtonomu, li jiġu mħarsa u msaħħa numru ta’ liġijiet kif ukoll li jiġu aġġornati r-regolamenti u l-kundizzjonijeit tax-xogħol.

Huwa insista li l-Gvern Laburista mar għal kwantita meta l-Partit Nazzjonalista jrid li x-xogħol ikollu kwalità, li tissarraf fi kwalità għal ħajja li tixraq lill-familji Maltin u Għawdxin.

Minn naha taghha, id-Deputat Graziella Attard Previ saħqet li kulħadd għandu dritt għax-xogħol b’kundizzjonijiet ta’ kwalità u dinjitużi. Hija insistiet li Partit Nazzjonalista jrid li kulħadd ikollu pagi ġusti , ħinijiet tax-xogħol adegwati u ambjent sigur.

Hi spjegat li qed ngħixu f’pajjiż fejn fost oħrajn Maltin u barranin qed jiġu sfruttati, b’uħud jiġu impurtati f’pajjiżna bil-wiegħda ta’ xogħol dinjituż…sabiex sussegwentament jispiċċaw sfruttati fil-prostituzzjoni.

Għaldaqstant appellat għal bżonn imminenti ta’ ċertezza u stabbilità fis-settur.

Kull min jixtieq jagħti s-suġġerimenti dwar dan il-qasam huwa mħeġġeġ javviċina lill-Partit Nazzjonalista sabiex flimkien jitfassal pjan għal kwalità ta’ ħajja aħjar għal ħaddiema u l-familji tagħhom.