Iż-żieda fit-turiżmu f’pajjiżna qed tissarraf f’esperjenza xejn pjaċevoli għat-turisti nfushom kif ukoll detriment għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin…l-infrastruttura Maltija ma tiflaħx għal żieda fit-turisti. Il-pressjoni hija kbira, u jeħtieġ pjanar serju.
Dan ħareġ minn studju mwettaq mill-kumpanija Deloitte, ikkummissjonat mill-MHRA, fejn intqal li fl-2019 l-livelli turistiċi kienu qed jolqtu fin-negattiv kemm l-esperjenza tat-turisti kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Partikolarment fejn għandha x’taqsam infrastruttura, problemi serji f’dak li jirrigwarda drenaġġ kif ukoll problemi ambjentali.
L-istudju ta’ Deloitte wera li l-iżvilupp esaġerat qed iwassal għal inkwiet serju f’dak li għandu x’jaqsam is-sistemi tad-drenaġġ li mhux ilaħħqu… bil-konsegwenza li diversi zoni madwar il-Gżejjer Maltin qed jispiċċaw bid-drenaġġ fil-baħar, fosthom fil-Birgu, San Pawl il-Baħar, u Tas-Sliema – zoni li jnkludu diversi bajjiet li fihom jgħumu n-nies.
Iċ-ċifri ta’ dan l-istħarriġ juru li aktar ma qed ikun hemm żieda fit-turisti, partikolarment fix-xhur ta’ Lulju u Awwissu, aktar l-esperjenza tat-turist qed tkun waħda negattiva – għaliex l-infrastruttura ta’ pajjiżna mhux tlaħħaq maż-żieda qawwija fil-popolazzjoni.
L-aktar ilmenti li jaslu kemm mit-turisti kif ukoll mir-residenti matul dan il-perjodu huma relatati…. fost l-oħrajn ….maż-żieda tat-traffiku qawwi li jesperjenzaw.
Michael Zarb, minn Deloitte, preżenta dan l-istudju fejn spjega li hemm bżonn tinstab soluzzjoni mill-aktar fis.
L-istudju wera li biex l-ammont totali ta’ bed stock li għandna f’pajjiżna jimtela tal-inqas 80% minnu matul is-sena…hemm bżonn 4.7 miljun turist li jżur lil pajjiżna; għal btala medja ta’ ftit inqas minn sebat ijiem.
Mill-analiżi mwettqa ħareġ fid-deher li bis-sitwazzjoni preżenti madwar l-Ewropa, jekk ma nippjanawx b’serjetà se nkunu qed inħabbtu wiċċna ma’ daqqa fid-dħul ekonomiku f’dan is-settur – li tista’ tissarraf f’theddida għall-istabbilità ekonomika.
Intant, l-istudju wera biċ-ċar li dan is-settur għandu bżonn viżjoni fit-tul u żvilupp sostenibbli…mhux wieħed li jissarraf f’detriment ambjentali bil-konsegwenza li jaffettwa b’mod negattiv l-esperjenza tat-turisti u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti Maltin u Għawdxin.
Michael Zarb sostna li hemm bżonn jintlaħaq bilanċ bejn dan kollu – hekk kif insista li hemm bżonn li l-esperjenza tat-turist tkun waħda sodisfaċenti waqt li l-awtoritajiet jieħdu ħsieb il-benesseri taċ-ċittadin..u l-ambjent ta’ madwarna.
//= $special ?>