Lokali

Taxxa ġdida fuq il-biljetti tal-ajru se tħarbat l-irkupru b’saħħtu tal-passiġġieri lejn Malta

Taxxa ġdida ta’ €30 li kapaċi tkun applikata għal kull biljett li jixtri passiġġier se tkun qed tħarbat l-irkupru b’saħħtu li għamlet il-linja tal-ajru Ryanair tul dawn l-aħħar xhur wara d-daqqa ta’ ħarta li ħadet tul il-pandemija.

Dan qalu l-Kap Eżekuttiv ta’ Ryanair, Michael O’Leary waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis.

Hu qal li t-taxxa l-ġdida li qed tkun proposta, jiġifieri dik li wieħed irid iħallas €30 addizzjonali fuq il-biljett tal-ajru – possibilment iktar minn kemm jiswa l-biljett innifsu – mhix waħda ġusta.

Din it-taxxa se jkun piż jieħor addizzjonali maż-żieda fil-prezz tal-fjuwil, li diga’ affetwat mhux ftit il-prezzijiet tal-biljetti tat-titjiriet kollha.

Intant, il-kumpanijaRyanair ħabbret ħames rotot ġodda lejn pajjiżi fl-Ewropa biex b’hekk wieħed se jkollu għażla ta’ 55 rotta differenti ma’ din il-kumpanija tal-ajru.

Minn din is-sena Ryanair bdiet topera titjiriet minn Malta lejn Bordeaux, Bournemouth, Lisbona, Shannon u Stokkolma filwaqt li f’pajjiżna se jkun hawn sitt ajruplani stazzjonati fl-Ajruport Malti.

Michael O’Leary qal li pajjiżna mhux talli beda jirkupra mill-effett tal-Covid, talli spiċċa laqa’ iktar passiġġiera minn qatt qabel.

Fuq bażi internazzjonali, Ryanair esperjenzaw l-agħar sajf kemm ilhom joperaw hekk kif numru kbir ta’ titjiriet esperjenzaw dewmien jew saħansitra kellhom jithassru. Fil-fatt, nhar il-Ġimgħa li għadda 420 titjira ġiet affetwata b’xi mod jew ieħor, minħabba azzjonijiet industijali.