Futbol Sport

B’wirja diżappuntanti Malta titlef kontra l-Estonja f’Tallinn

(Ritratt: Domenic Aquilina)

It-tim Nazzjonali Malti naqas milli jilħaq it-tragward li jikseb promozzjoni għal League C fil-UEFA Nations League meta wara wirja xejn tajba tilef 2-1 kontra l-Estonja f’Tallinn. It-tim Malti kellu jilgħab it-tieni 45 minuta bi plejer inqas wara li ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima tkeċċa Jean Borg għal foul fil-kaxxa li sewa lill-Maltin penalty u gowl minn taħt.

L-ewwel taqsima kienet waħda diżappuntanti għall-aħħar mit-tim Nazzjonali Malti b’numru ta’ zbalji fil-passaġġi u b’nuqqas ta’ attakki, biż-żewġ attakkanti Jodi Jones u Alex Satariano iżolati għal kollox.

Wara erba’ minuti l-Estoni rnexxielhom jiskurjaw permezz ta’ Bogdan Vastsuk iżda wara li kkonsulta mal-VAR ir-referee ħassar il-gowl minħabba handsball mill-istess plejer. Il-partita kienet nieqsa ferm minn azzjonijiet u meta ż-żewġ timijiet dehru li deħlin jistriehu f’parita t-tim immexxi mill-Iżvizzeru Hiberli ingħata penalty. Penalty li ingħata bil-VAR fejn Jean Borg deher jidħol daħla kerha li swietu wkoll tmiem il-partita hekk kif ingħata karta ħamra diretta. Mill-11-il metru kien Rauno Sappinen li tefa’ wara Bonello bl-ewwel taqsima tispiċċa 1-0 favur l-Estonja.

It-tieni taqsima bdiet ħafna ahjar għal Maltin hekk kif wara biss sitt minuti wara li għal darb’oħra r-referre Ġermaniż Siebert ikkonsulta mal-VAR saffar penalty favur Malta għal handsball fil-kaxxa wara kross ta’ Ryan Camenzuli. Jinkariga mill-penalty Teddy Teuma li ma żbaljax u ġab l-iskor indaqs. Bil-Maltin jibqgħu igawdu mill-pusses tal-ballun, fl-aħjar mument tat-tim immexxi minn Devis Mangia sofra gowl fis-86 minuta. Kien Sergei Zenjov li minn nofs il-ground ta pass preċiż lejn is-sostitut Henri Ainer u bħalma għamel fl-ewwel logħba f’pajjiżna wara li avvanza tefa’ wara Bonello biex ta rebħa lill-Estoni u promozzjoni għall-League C.