Lokali

Fi tqala diffikultuża l-ħajja tal-omm tieħu prijorità

Fid-dawl ta’ stqarrijiet li qed isiru mill-moviment favur l-abort f’Malta, li l-liġi Maltija tippreferi li tħalli l-omm tmut sabiex issalva it-tarbija fil-ġuf, Life Network tistqarr li dan mhux minnu; dan qed isir sabiex tinxtered l-idea li Malta hija pajjiż li għandha liġijiet bla raġuni; li jġelldu l-valur tal-ħajja tat-tarbija kontra l-valur tal-ħajja ta’ l-omm. Dan mhux minnu.

Kull delitt fil-Kodiċi Kriminali ta’ pajjiżna, inkluż l-abort, huwa reat biss sakemm ikun hemm intenzjoni ċara minn min iwettaq id-delitt li jagħmel dak li hu projbit bil-liġi. Li wieħed jintervjeni fuq l-omm biex issalvalha ħajjitha ma jista’ qatt jammonta għal reat jekk bħala konsewgenza indiretta tmut it-tarbija fil-ġuf.

Ħadd ma jista’ jiġi obbligat li jmut għal ħaddieħor. Dawn il-prinċipji elementari tal-liġi kriminali qed jiġu deliberatament injorati minn min irid jagħti l-impressjoni li l-liġi Maltija ma tippermettix li tiġi salvata l-omm f’każ ta’ tqala li theddidilha ħajjitha. Prova ta’ dan huwa il-fatt illi ħadd qatt ma ġie mressaq il-Qorti għaliex salva il-ħajja tal-omm meta ħajjitha kienet f’periklu attwali u bħala konsegwenza mietet it-tarbija.

F’Malta, kull sena ikun hemm xi gravidanzi li jkunu ta’ theddida serja għall-ħajja tal-omm, iżda l’ommijiet dejjem ġew trattati. Ebda omm ma mietet f’dawn l-aħħar għoxrin sena minħabba tqala diffikultuża, għaliex it-tobba Maltin ħafna drabi jagħmlu pre-term delivery, iwelldu lit-tarbija qabel żmienha, u b’ hekk it-tqala tiġi fi tmiemha u l-ħajja tal-omm tiġi salvata. Li kieku dan huwa reat, kif qed isostnu dawk li huma favur l-abort, allura suppost f’ Malta tressqu t-tobba, l-infermiera u l-ommijiet li kienu involuti f’ dan l-intervent mediku biex tiġi salvata il-ħajja tal-omm. Fil-fatt ma ttella’ ħadd il-Qorti għax dak l-intervent mediku mhux reat.