Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana tefa’ parti mill-ħtija fuq in-negozji għall-fatt li fl-aħħar xhur rajna żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti bażiċi. Dan filwaqt li minn naħa tiegħu, mhu jgħid xejn dwar dak li lest jagħmel il-Gvern biex jindirizza l-kriżi tal-inflazzjoni.
“Għalkemm il-prezzijiet qed jiżdiedu, minix inkwetat”. Hekk qal il-Ministru meta qabbel lil pajjiżna ma’ pajjiżi Ewropej.
Hu kien qed jindirizza Business Breakfast organizzat dalgħodu mit-Times, bit-tema ewlenija tkun il-Budget 2023.
Clyde Caruana stqarr ukoll li Malta, skont hu, mhix se taffaċja riċessjoni. U meta mistoqsi direttament, hu wieġeb “le”.
Waqt dan l-avveniment, il-Ministru qal li hu kapaċi jifranka “aktar” mill-Università – u mhux biss il-miljun ewro li diġa’ inqata’. “Irridu nissikkaw minn kullimkien, anke’ mill-ivjaġġar tal-Ministri barra mill-pajjiż”.
Il-Ministru, meta indirizza lil dawk miġbura għal dan il-Business Breakfast, f’ħin minnhom waqaf għal ftit sekondi biex jgħid li mhux kulħadd qed japprezza dak li qed jagħmel il-Gvern.
Intant, Clyde Caruana ċaħad ir-riżultati ta’ surveys riċenti li urew kif ħafna żgħażagħ qed jagħżlu li jitilqu minn pajjiżna. “Irid isir aktar fejn jidħol l-ambjent”, qal il-Ministru, fejn semma’ kif il-kostruzzjoni qed timpatta l-istil tal-ħajja tagħna.
//= $special ?>