Internazzjonali

Għexieren mejta waqt protesti fl-Iran

Mill-inqas 17-il persuna ġew maqtula waqt protesti li qed isiru fl-Iran dwar il-mewt ta’ żagħżugħa waqt li kienet arrestata f’Tehran.

Mahsa Amini, żagħżugħa ta’ 22 sena kienet ġiet arrestata hekk kif irrifjutat li tilbes il-hijab… liġi fil-pajjiż li kull mara trid jew ma tridx, trid issegwi. Qraba tagħha qalu li ż-żagħżugħa kienet f’saħħitha qabel spiċċat fil-kustodja tal-Pulizija u jiem wara f’koma li qatt ma ħarġet minnha.

Il-protesti bdew daqs ġimgħa ilu, bin-nisa jaħarqu x-xalel tagħhom bħala turija ta’ solidarjetà ma’ din iż-żagħżugħa.

Iżda issa, il-protesti eskalaw tant li madwar il-pajjiż qed iqum ġlied kbir bejn il-forzi tas-sigurtà Iranjana u d-dimostranti tant li diversi persuni qed jitilfu ħajjithom ta’ kuljum.