Internazzjonali

Il-Ġappun: Daqshekk restrizzjonijiet għat-turisti barranin

Il-Ġappun qed jerġa’ jiftaħ il-bibien għat-turisti barranin wara aktar minn sentejn ta’ għeluq sfurzat tal-fruntieri minħabba l-pandemija tal-Covid. Id-direttiva qed tiftaħ għal influss ta’ turisti li mistennija jistimolaw lin-negozji fil-pajjiż u meta dawn huma żmenijiet problematiċi għall-yen Ġappuniż.

It-turisti se jkunu jistgħu jżuru l-pajjiż mingħajr visa u, mill-11 ta’ Ottubru, mhumiex se jkollhom bżonn aktar li jibbukkjaw bilfors ma’ aġenzija tal-ivvjaġġar biex iżuru l-Ġappun.

Qed jitneħħa anki l-limitu fuq il-barranin li jistgħu jmorru kuljum fil-Ġappun – bit-Tajwan u Hong Kong ukoll jirrilaxxaw ir-regoli tal-entratura għall-viżitaturi.

It-Tajwan, sa nofs ix-xahar id-dieħel, għandu jwarrab il-kriterji ta’ kwarantina għat-turisti li ġejjin minn barra.

Dan waqt li l-awtoritajiet f’Hong Kong mhumiex se jinsistu aktar biex il-viżitaturi jgħaddu żmien f’lukanda taħt kwarantina għalkemm se jesiġu biex iċ-ċittadini li jaslu fit-territorju mis-safar iqattgħu xorta xi żmien iżolati fid-dar.