Il-Gvern ta’ Robert Abela qiegħed ikompli jnaqqar mill-poteri tal-Kunsilli Lokali hekk kif ġurnata wara l-oħra il-Kunsilli qed ikomplu jonqsulhom is-servizzi li xi darba kienu joffru.
Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista ndirizzata mill-Kelliem għall-Kunsilli Lokali Darren Carabott u l-ko-ordinatur tal-Kunsilli Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista Charles Bonello.
Id-deputat Darren Carabott insista li l-Gvern ma jemminx fil-Kunsilli Lokali hekk kif il-konsultazzjonijiet dejjem qegħdin jonqsu. Hu qal li l-Gvern irid iżomm il-poter kollu f’idejh sabiex bil-mod il-mod iżarma l-Kunsilli Lokali. Darren Carabott tenna li l-Gvern mhux jemmen fl-għażla tal-poplu meta n-nies jivvutaw għall-kunsilliera, u għalhekk jibqa’ jnaqqsilhom l-importanza.
Huwa fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li welled l-Kunsilli Lokali u li dejjem se jibqa’ jemmen fl-importanza tagħhom. U tenna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġġieled sakemm il-Kunsilli Lokali jingħataw l-importanza li tixirqilhom.
Minn naħa tiegħu l-ko-ordinatur tal-Kunsilli Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista Charles Bonello qal li tul is-snin ttieħdu numru ta’ responsabbilitajiet mill-Kunsilli Lokali u kif mhux qed issir konsultazzjoni magħhom fuq diversi proġetti.
Huwa tenna li pajjiżna ma jistax jibqa’ sejjer lejn din id-direzzjoni għaliex il-poplu kapaċi jitlef l-interess fil-Kunsilli Lokali. U wissa’ li l-Gvern jaf juża din l-iskuża sabiex ineħħi l-Kunsilli Lokali darba għal dejjem.
//= $special ?>