Lokali

Il-Maqluba Fest toffri numru ta’ attivitajiet għall-pubbliku

Hekk kif f’dan ix-xahar niċċelebraw il-Festa ta’ San Mattew Appostlu, is-Soċjetà Mużikali Santa Marija fi ħdan il-Parroċċa tal-Qrendi se tkun qed ittella’ numru ta’ attivitajiet fl-inħawi tal-kappella f’Misraħ il-Maqluba.

Il-Ġimgħa 23 ser tiġi organizzata Ikla f’Palazz Marija Assunta li jinsab fil-pjazza prinċipali tal-Qrendi, maġenb il-Knisja Parrokjali.

L-għada s-Sibt, mill-5pm ‘l quddiem ikun hemm Fiera Tradizzjonali f’Misraħ il-Maqluba.

Il-Ħadd 25, Jum il-Festa, ġurnata sħiħa ta’ attivitajiet li jibdew fid-9am b’wirja ta’ karozzi Amerikani. Din il-wirja ġiet abbinata mal-maratona tal-ALS Malta li ser tkun qed isir fl-istess jum u għalhekk waqt l-istess wirja ser jinġabru fondi b’risq l-ALS, u li jiġu preżentati dakinhar stess filgħaxija.

Fl-10am ser isir quddiesa fil-kappella ta’ San Mattew. U fl-4pm jintlaħaq il-qofol ta’ din il-festa, fejn tibda Fiera Kbira Tradizzjonali f’Misraħ il-Maqluba.

L-Għaqda tan-Nar tal-istess Soċjetà ser tieħu sehem b’diversi murtali tradizzjonali kif ukoll kull xorta ta’ ftuħ u blalen. Il-ħinijiet tal-logħob tan-nar kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd ser ikunu fit-8am, 12pm, 5.30pm u 8.30pm. Ser ikun hemm ukoll wirja tal-logħob tan-nar tal-art li ġib fit-tmiem Maqluba Fest għal din is-sena.

Għal aktar informazzjoni dettaljata wieħed għandu jżur il-paġna ta’ Facebook Soċjetà Mużikali Santa Marija, Qrendi.