Lokali

Il-unions jattendu għal laqgħa urġenti mal-Ministru tal-Finanzi

Il-Forum Unions Maltin, il-General Workers Union, il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin, flimkien mal-UHM Voice of the Workers il-Gimgħa kellhom laqgħa urġenti mal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.

Matul il-laqgħa kienet diskussa l-proposta li qed iressqu dawn il-unions li jkun hemm mekkaniżmu ġdid taż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Dan fl-ambitu taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali preżenti…u ż-żieda enormi fil-prezzijiet.

Din l-inizjattiva qed tittieħed ukoll fid-dawl tas-sitwazzjoni bla preċedent li wasslet biex il-COLA fil-Budget li ġej se tkun qed titla’ għal livell rekord ta’ madwar €10.

Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers, qal dan il-mudell għandu jagħti il-COLA lill-ħaddiema mingħajr ma jkun affettwat il-ftehim kollettiv.  Xi ħaġa li dwarha qablu l-unions kollha.

Huwa qal li l-Gvern għandu f’idejh dak li qed jipproponu l-unions, filwaqt li issa jrid isir studju min-naħa tal-Ministru tal-Finanzi biex ikun deċiż jekk dak li qed jipproponu jidħolx fis-seħħ mill-ewwel ta’ Jannar li ġej.

Din il-proposta se sservi wkoll biex ikunu indirizzati ċerti anomaliji li jekk mhu se jsir xejn dwarhom fl-immedjat, se jkunu qed iwasslu għal problemi kbar ftit tas-snin oħra.