Internazzjonali

Is-Sirja: Imutu l-għexieren tal-immigranti, inklużi nisa u tfal, wara li għerqitilhom id-dgħajsa

L-awtoritajiet fis-Sirja qalu li nstabu l-katavri ta’ ‘il fuq minn 70 immigrant wara li d-dgħajsa li kienu qed jivvjaġġaw biha għerqet ftit ‘il hinn mill-kosta Sirjana.

L-aħħar rapporti qalu li mal-20 immigranti oħra kienu qed jingħataw it-trattament l-isptar fil-belt Sirjana ta’ Tartus.

Uffiċjali qalu li l-vittmi – Sirjani, Libaniżi u Palestinjani – kienu fost xi 120 jew 150 persuna li kienu kienu fuq id-dgħajsa meta għerqet. Fost il-vittmi kien hemm ukoll diversi nisa u tfal.

Fl-aħħar sigħat l-iskwadri tal-emerġenzi kienu qegħdin itellgħu lin-nies mill-baħar u meta ma kienx magħruf x’seta kkaġuna l-inċident.

L-uffiċjali qalu li d-dgħajsa kienet telqet minn Minyeh, viċin il-belt tal-port Libaniża ta’ Tripli. Mifhum ukoll li qabel għerqet, id-dgħajsa kienet fi triqitha lejn l-Ewropa.

Il-belt ta’ Tartus, mal-kosta tal-Mediterran, tinsab xi 50 kilometru lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Tripli.

Il-Libanu qed iżomm mal-1.5 miljun refuġjati Sirjani u kważi 14,000 refuġjat minn pajjiżi oħra – dejjem skont il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR). Fil-Libanu hemm anki l-ogħla numru ta’ immigranti per capita fid-dinja.

Madankollu, il-Libanu qed jiffaċċja kriżi ekonomika severa – b’mod partikulari minħabba l-Covid-19 u l-konsegwenzi tal-isplużjoni storika tal-2020 fil-port ta’ Bejrut.

Dan ukoll meta ‘il fuq minn 80 fil-mija tal-poplu Libaniż qed isibha diffiċli biex jaffordja l-ikel u l-mediċina.

Is-sitwazzjoni qed tħalli impatt serju ħafna għall-poplu tal-immigranti fil-pajjiż u li ħafna minnhom qed jippruvaw jaħarbu lejn pajjiżi oħra – bl-Ewropa bħala attrazzjoni speċjali.

Aktar kmieni dan ix-xahar, sitt persuni, inklużi tfal, kienu mietu meta dgħajsa mgħobbija bl-immigranti għerqet ‘il hinn mit-Turkija waqt vjaġġ mil-Lebanon lejn l-Ewropa.