Lokali

Jeħtieġ iktar dħul għall-familji biex dawn jgħixu ħajja diċenti

Biex familja ta’ tlett min-nies tgħix ħajja diċenti, għandha bżonn  dħul ta’ bejn 21,000 ewro u 25,000 ewro fis-sena. Jekk dan mhux qed jintlaħaq, hemm risku kbir li dawn jispiċċaw fil-faqar.

Dawn iċ-ċifri ħarġu waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha saret preżentazzjoni tar-riċerka li saret mill-GWU, mill-Moviment Graffiti u mill-Alleanza Kontra l-Faqar dwar id-dħul tal-ħaddema Maltin

L-għan ta’ din ir-riċerka kien sabiex ikun magħruf jekk il-Maltin humiex qed jgħixu ħajja diċenti jew le filwaqt li tingħata spjegazzjoni ċara tat-terminu ‘national living income’. Dan hekk kif kull min jaħdem għandu jkollu serħan il-moħħ li ma jaqax fil-problema tal-faqar filwaqt li kulħadd għandu jgħix ħajja adekwata.

Dan l-istudju sar fuq medda ta’ għaxar xhur u kien jinkludi 1,000 dar fejn matulu sar studju fuq  l-affarijiet bazici li għandhom bżonn il-persuni. Dawn jinkludu s-saħħa, l-ikel u x-xorb, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, it-trasport, il-ħin liberu u numru ta’ affarijiet oħra li huma meqjusa bżonnjużi sabiex wieħed jgħix ħajja diċenti.

Fattur interessanti li ħareġ minn din ir-riċerka hu li iktar minn 75% tas-single parents jaqgħu taħt il-living income.. fi kliem sempliċi 3 minn kull 4 ma jilħqux dan il-livell. Dan filwaqt li biex familja b’żewġ itfal tgħix b’mod komdu, irid ikollha dħul ta’ bejn il-25,000 ewro u t-30,00 ewro.  

Issa dan l-istess studju se jkun ippreżentat lill-ogħla awtoriatjiet ta’ pajjizna sabiex issir iktar diskussjoni dwar kif id-dħul għal dawk l-aktar fil-bżonn għandu jizdied ….biex kulħadd jgħix ħajja diċenti.