Lokali Qorti

Każ dwar serqa jrid jiġi ġudikat mill-ġdid wara li fuq is-sentenza tniżżlu żewġ dati

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera iddikjarat sentenza fil-konfront ta’ Justin Mallia fuq serq nulla u ordnat biex huwa jiġi ġudikat mill-ġdid. Il-każ dwar serqa fl-4 ta’ Lulju, 2016, f’xi ħin wara għad-dannu tal-kumpanija Forestals Matrix, li jinsab f’The Point, tas-Sliema fejn kienu nsterqu diversi oġġetti elettronici liema serq huwa aggravat bil-valur li jeccedi l-€232.94 izda mhux l-€2329.37.

Mallia, li għandu problema ta’ droga kien ammetta u ngħata sentenza sospiża u li iżda ġiet effettiva, bl-appell jitlob li din tiġi revokata anke fid-dawl tal-fatt li meta ngħatat mill-Maġistrat Nadine Lia, s-sentenza spiċċat żewġ dati reġistrati. Hemm id-data tat-13 ta’ Jannar 2022, li tidher fuq il-kopja tas-sentenza esebita mid-difiża fuq il-parti ta’ wara taghha, qabel il-firma tal-Magistrat u fil-parti ta’ quddiem taht isem il-Magistrat hemm indikat data differenti, dik tal-31 ta’ Jannar 2022.

L-Avukat Franco Debono li ressaq l-appell qal li jidher ukoll li fil-kopja li hemm esebita l-Qorti li ġiet esebita flimkien mal-proċess meta seħħ, ukoll kien hemm zewg dati, l-istess dati msemmija. Fuq il-parti ta’ wara tispjega li tali data saret bħala korrezzjoni wara li d-deputat reġistratur tal-Qorti ndunat b’dan l-iżball.

Il-Qorti tal-Appell semghet lill-Uffiċjal tal-Qorti, li tokkupa l-kariga ta’ deputat registratur fil-Qorti tal-Maġistrati li tippresjedi l-Maġistrat Nadine Lia fejn qalet li kienet hi li għamlet il-korrezzjoni fuq il-parti ta’ wara din is-sentenza u cioe li hi bidlet id-data mit-13 ta’ Jannar ghall-31 ta’ Jannar 2022, u dan wara li għarfet il-firma tagħha.

Mistoqsija jekk għamlitx din il-korrezzjoni qabel ma ngħatat is-sentenza jew wara tgħid li ma tiftakarx. Mistoqsija jekk fil-fatt kienitx anke saħansitra rregistrat din is-sentenza fis-sistema tal-Qorti b’żewġ dati, qalet li jista’ jkun. Mistoqsija jekk il-korrezzjoni saritx wara li kien induna biha l-avukat difensur tal-akkużat Franco Debono, qalet li setgħa kien il-każ u għalhekk li tali korrezzjoni saret wara li kien gie ppreżentat l-appell.

Hija qalet ukoll li qatt ma saret korrezzjoni fil-kompjuter fejn kienet ‘saved’ is-sentenza. L-Imħallef Scerri Herrera kkwotat sentenzi oħra li fihom kien hemm żball fid-data. Qalet li kienet qed tilqa’ t-talba tad-difiża biex annullat is-sentenza mogħtija.

Il-Qorti tal-Appell qalet li ma jirriżultax jekk il-korrezzjoni saret qabel ma ngħatat is-sentenza jew wara li igħatat. Anzi jidher li fil-komjuter is-sentenza għadha ‘saved’ b’zewġ dati. Il-probabilità hi li l-korrezzjoni fuq is-sentenza esebita saret wara li ġie ppreżentat ir-rikors ta’ l-appell.

Għaldaqstant qalet il-Qorti, se jkollha tiddikjara din is-sentenza nulla u bla effett u li l-atti tal-kawża jintbgħatu lil Qorti tal-Magistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali u dan sabiex jiġi ġudikat mill-gdid. Mallia kien ġie kundannat seba’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn, iżda huwa spiċċa ngħata sentenza ta’ ħabs effettiv fuq każ ieħor.

Il-Qorti kienet rrakomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex Justin Mallia ta’ 24 sena minn Bormla jingħata l-għajnuna kollha biex jegħleb il-vizzju tad-droga inkluż li jsegwi programm ta’ riabilitazzjoni u dan dejjem skond ir-regolamenti tal-habs. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Mercieca.