Lokali Qorti

Keith Schembri u Yorgen Fenech fost ħamsa jiffaċċaw akkużi b’rabta mal-job fantażma li ngħata Melvin Theuma

Keith Schembri , Yorgen Fenech u tliet eks uffiċjali tal-gvern bdew jiffaċċjaw akkużi b’rabta max-xogħol fantażma  mogħti lil Melvin Theuma, l-middleman fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Keith Schembri, l-eks chief of staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u Yorgen Fenech, in-negozjant akkużat fl-involviment fil-qtil tal-ġurnalista, f’Ottubru 2017 qed jiġu akkużati b’serq u misapproprjazzjoni, kif qed jiġu akkużati t-tlieta l-oħra,

Melvin Theuma, li ammetta li kien involut fil-qtil tal-ġurnalista kien qal hu stess lill-Pulizija u fil-Qorti li kien ingħata impjieg minn Schembri u għamel żmien jitħallas mingħajr ma kien jersaq lejn il-post tax-xogħol fantażma. Ix-xogħol kellu jkun mal-kumpanija tal-Gvern Housing Maintenance and Embellishment Co Ltd.li kien ingħatalu ħames xhur qabel seħħ il-qtil.

Madankollu lanqas l-istess Melvin Theuma ma kien jaf eżatt fhiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol, liema xogħol skont ma xehed hu stess fil-Qorti lanqas biss ried u li lanqas kien hu li talbu. Yorgen Fenech u Keith Schembri deheru l-Qorti flimkien ma’ Sandro Craus l-eks kap tal-customer care fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru; Anthony Mario Ellul, l-eks segretarju privat tal-ministeru tal-familja u Anthony Muscat, l-eks CEO ta’ kumpanija tal-gvern.

Quddiem il-Maġistrat Monica Vella fl-iżbarra deheru Keith Schembri ta’ 47 sena, residenti l-Qrendi li qal li jaħdem għal rasu, Yorgen Fenech ta’ 40 sena, li qal li ma jaħdmix peress li fil-preżent huwa residenti l-ħabs, Sandro Craus ta’ 52 sena, residenti Ħaż-Żabbar, Anthony Ellul ta’ 62 sena, residenti l-Ħamrun, pensjonant u Anthony Muscat ta’ 63 sena minn Naxxar. L-akkużati kollha wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

L-avukat difensuri talbu kopji ta’ dokumenti partikolari fejn qalu li jridu jaraw ir-rekords tal-inkjesta maġisterjali u ma jridux li xi ħadd mill-prosekuzzjoni jixhed illum. Huma jemmnu li jista’ jkun hemm xi evidenza li tkun inammissibbli. Il-Prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li tixtieq tressaq il-każ tagħha f’din l-ewwel seduta.

Madankollu l-Maġistrat Vella qalet li mhux se tisma’ xhieda għax l-akkużati għandhom dritt li l-ewwel ikollhom aċċess għar-rekords tal-inkjesta. L-Avukat Michael Sciriha, li qed jidher għal Craus staqsa x’provi għandha l-prosekuzzjoni u kemm għandha xhieda xi tressaq fuq il-każ. Minn naħa tagħha l-prosekuzzjoni wieġbet li ma tistax tagħti ċifra eżatta x’xhieda se jixhdu. L-avukat Edward Gatt għan nom ta’ Keith Schembri ntervjena biex jgħid li għandhom riżervi kbar dwar din l-inkjesta.

“Dan se jiġi żvelat fi stadju aktar tard,” qalet id-difiża li sostniet li se tirriżerva wkoll id-dritt li ssejjaħ ix-xhieda tagħha stess. Il-każ ġie differit għal nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Ottubru. Għal Keith Schembri deheru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, L-Avukati Charles Mercieca, Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran deheru għal Yorgen Fenech. L-Avukat Michael Sciriha deher għal Sandro Craus, għal Muscat deher l-Avukat Stefano Filletti u għal Ellul deher l-Avukat Vincent Micallef. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nicholas Vella.