Internazzjonali

L-Ukrajna: Referendums li jiddeterminaw jekk xi reġjuni jsirux parti mir-Russja

L-Uffiċjali appoġġjati mir-Russja f’erba’ reġjuni okkupati tal-Ukrajna qegħdin imexxu r-referendums dwar jekk dawn it-territorji għandhomx isiru parti permanenti mir-Russja.

Dawn il-votazzjonijiet qed ikunu kundannati bħala eżerċizzju finta u illeġittimu mill-Ukrajna u l-pajjiżi tal-Punent li mhuma se jirrikonoxxu l-ebda riżultat favur Vladimir Putin u l-Kremlin.

L-eżerċizzju – imqassam fuq ħamest ijiem – qed ikompli jqanqal il-kundanna tal-Punent u meta l-erba’ zoni (tnejn fil-lvant u tnejn fin-nofsinar) fejn qegħdin jivvutaw in-nies qed jiffurmaw parti mill-front ta’ battalja fl-Ukrajna.

Ir-reġjuni inkwistjoni huma r-Repubblika tal-Poplu ta’ Donetsk, i-Repubblika tal-Poplu ta’ Luhansk, Kherson u  Zaporizhzhia.

Jekk ir-Russja tasal biex tassew tgħaqqad dan it-territorju Ukren ma’ artha, Moska mistennija li, ‘il quddiem, takkuża lill-Punent b’li qed jgħin lill-Ukreni biex jattakkaw it-territorju tar-Russja. Dan peress li l-Istati tal-Punent ilhom ix-xhur jissupplixxu lill-qawwiet tal-Ukrajna bl-armi sofistikati ħalli jiddefendu ruħhom kontra l-Armata tal-Kremlin.

Sitwazzjoni bħal din kapaċi teskala l-gwerra, proprju seba’ xhur mindu seħħet l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet ta’ Putin. Dan ukoll meta s-sultati tar-Russja   qed ikollhom jirtiraw minn ħafna territorju Ukren quddiem il-kontro-offensiva li, bħalissa, qegħdin imexxu l-qawwiet tal-Ukrajna.