Lokali

Mijiet ta’ postijiet tax-xogħol b’periklu kbir għall-ħaddiema tagħhom

Matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, uffiċċjali mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għamlu 2,177 spezzjoni f’postijiet tax-xogħol differenti kemm waqt il-ħin tax-xogħol kif ukoll aktar tard matul il-ġurnata jew lejn tmiem il-ġimgħa.

Dawn kienu jvarjaw minn intrapriżi żgħar sa dawk kbar fis-settur tal-manifattura, kostruzzjoni kif ukoll tas-servizzi, fost oħrajn. Bħalma dejjem ġara, matul l-ispezzjonijiet, l-uffiċċjali ħarsu lejn numru ta’ affarijiet fl-attività tax-xogħol li kienet qed issir u ħadu azzjoni skont il-livell tar-riskji li jkun hemm.

Wara l-ispezzjonijiet, l-uffiċċjali kellhom ukoll madwar 400 laqgħa privata ma’ min hu responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà sabiex jiddiskutu temi relatati mal-ispezzjoni.

F’403 post tax-xogħol li ġew spezzjonati, il-perikli preżenti tqiesu serji biżżejjed li setgħu potenzjalment jikkawżaw mewt jew ħsara fiżika serja. F’dawn il-każijiet, l-uffiċjali tal-OHS ħarġu ordnijiet biex l-attivitajiet tax-xogħol jieqfu immedjatament sakemm is-sitwazzjoni tiġi rimedjata. Dawn il-każijiet ikomplu jiġu segwiti sabiex jiġi żgurat li l-postijiet tax-xogħol isiru konformi. F’dawn il-każijiet kollha, jinħarġu multi amministrattivi jew inkellha jimxu għall-proċeduri ġudizzjarji.

Matul l-istess perjodu ta’ żmien, 253 entità u individwu nħarġulhom multi amministrattivi għal ksur tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol imwettaq matul ix-xhur preċedenti, b’valur ta’ ftit aktar minn €100,000. Barra minn hekk bdew proċeduri legali fil-Qorti f’74 każ individwali.

L-aktar nuqqasijiet komuni li jiltaqgħu magħhom l-uffiċċjali huma n-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet biex jipprevjenu waqgħat mill-għoli, project supervisors tas-sit tal-kostruzzjoni li ma jaderixxux mal-prinċipji ġenerali tal-prevenzjoni ta’ saħħa u sigurtà u klijenti tas-sit tal-kostruzzjoni li ma jsegwux ir-rakkomandazzjonijiet tal-project supervisors.

Intant, l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika fi stqarrija żvelaw li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena f’pajjiżna kellna 9 fatalitajiet fuq il-post tax-xogħol filwaqt li 1,164 persuna kienu involuti f’inċident fuq il-post tax-xogħol.