Lokali

AĠĠORNATA (2): Arrestati 49 persuna wara r-raid fil-Marsa

Tard bil-lejl, għall-ħabta tal-11:30pm diversi units u skwadri tal-Pulizija wettqu raid fil-Marsa fejn ġew miżmuma numru ta’ persuni. Ir-raid twettaq fi Triq il-Korsa tal-Marsa, u z-zona tal-madwar.

Net News hu nfurmat li l-ħidma tal-Pulizija ma kinitx biss relatata ma’ traffikar ta’ droga iżda wkoll prostituzzjoni u logħob illegali. Fil-fatt, fir-raid ġew arrestati 49 immigrant irregolari, kif ukoll ġew elevati nofs kilogramma ta’ drogi. B’sorsi jindikaw li s-sustanzi jinkludu eroina u kokaina.

Il-ħidma delikata marbuta ma’ dan ir-raid kienet ilha għaddeja għal ħin twil, taħt xita qliel. U kif segwa mill-qrib il-crew ta’ Net News, din involviet numru kbir ta’ Pulizija.

Iz-zona kollha ġiet magħluqa sabiex l-uffiċjali jkomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom, bil-persuni arrestati jittieħdu mill-post bil-vannijiet tad-detenzjoni. Dan filwaqt li għall-ħabta tas-00:40am dehret ambulanza tħalli l-post, skortata mill-Pulizija.

Preżenti dehru uffiċjali tal-forensika, filwaqt li waslu ankè membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u uffiċjali tal-housing.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalu li r-raids kienu iffukati fuq żewġ remissi fi Triq il-Ġerrejja u Triq is-Serkin.

Waqt li ġew arrestati erba’ persuni, fil-post instabet kwantita ta’ droga, li allegatament kienet lesta biex tkun traffikata.

Fl-ewwel remissa kien hemm żewġt irġiel, Malti u Niġerjan u kif indunaw bil-Pulizija, it-tnejn ippruvaw jaħarbu, b’wieħed minnhom saħansitra qabeż minn għoli ta’ madwar sular u nofs.

Iżda t-tnejn li huma ġew arrestati mill-ewwel.

Minn tfittxija li saret f’din ir-remissa l-Pulizija sabu 230 qartas kokaina; 145 qartas eroina; u 32 qartas kannabis, kollha lesti f’boroż żgħar biex jinbiegħu. Fl-istess remissa nstabu madwar €2,000 fi flus kontanti.

Fir-remissa l-oħra, il-Pulizija arrestaw żewġt irġiel oħra mill-Ghana. Fil-post instab madwar nofs kilo kannabis u ammont konsiderevoli oħra ta’ qratas tal-kannabis lesti biex jinbiegħu. Instabu wkoll madwar €2,000 fi flus kontanti.
Miż-żewġ remissi ġew elevati diversi mobiles, apparat ta’ cctv cameras, kif ukoll oġġetti oħra b’rabta mat-traffikar tad-droga.

Ritratti: Joseph Galea