Lokali Qorti

Żewġt irġiel jinżammu arrestati fuq attentat ta’ serq u ħsara f’ħanut

Żewġt irġiel bi problema relatata mal-vizzju tad-droga u t-tnejn residenti Birkirkara, inżammu arrestati wara li ġew mixlija quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace b’attentat ta’ serq ta’ flus kontanti u oġġetti prezzjużi minn “Palazzo Cà Brugnera” li jintuża bħala ħanut, u li jinsab fi Triq il-Wied Wied, li jinsa f’Birkirkara stess. Allegatament l-irġiel kienu nqabdu fil-fatt mill-Pulizija wara rapport li kien sar dwar is-serqa.

L-Ispetturi Andrew Agius u Ritienne Gauci ressqu lil Jeffrey James Farrugia ta’ 36 sena u lil Christian Farrugia Tesesco u qalu li l-akkużati ppruvaw iwettqu din is-serqa nhar t-Tnejn, 19 ta’ Settembru, bejn it-8am u t-3pm. L-irġiel ġew mixlijin wkoll li għamlu b’€2,500 fi ħsarat fil-palazz.

L-avukat tal-għajuna legali, Cynthia Tomasuolo li deheret għall-irġiel talbet għamlet talba għall-pleġġ. Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha għal din it-talba peress li l-akkużati jeħtieġu l-għajnuna għall-fatt li t-tnejn ma jaħdmux u għandhom il-vizzju tad-droga.

Il-Qorti qablet mal-prosekuzzjoni u ma laqgħetx it-talba tad-difiża u b’hekk l-akkużati baqgħu miżmuma arrestati. Il-Pulizija kienet ħarġet stqarrija dwar l-attentat ta’ serqa fejn spjegat li kien sar rapport fuq serqa fi Triq il-Wied, Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post, għamlu spezzjoni u arrestaw lill-ewwel raġel ftit wara li fuq wara tal-ħanut innotaw li hemm bieb tal-ħġieġ imkisser kif ukoll persuna fuq il-bejt. 

Dwar dan kienu ssejjħu oqsma differenti tal-Pulizija li flimkien daħlu fil-ħanut u bdew jispezzjonaw kamra kamra f’kull sular. Fit-tielet sular, il-Pulizija semgħu xi ħsejjes u nnutaw passi li jwasslu għall-kmamar tal-banju. Il-Pulizija wara segwew il-passi iżda nnutaw li l-bieb kien imsakkar minn ġewwa.

L-uffiċjali tal-Pulizija ppruvaw ikellmu lill-ħallelin, iżda ż-żewġt irġiel ma bdewx jikkooperaw u għaldaqstant kellu jitkisser il-bieb. L-operazzjoni tal-Pulizija kienet ħadet ftit tal-ħin mhux ħażin, bl-ewwel persuna tiġi arrestata għall-ħabta tal-10am, bit-tieni persuna tinqabad aktar tard, għall-ħabta tas-2pm.

Wara li l-Pulizija kompliet bit-tfittxijiet tagħha bil-għajnuna tal-kelb tal-Pulizija, Thor. Fil-fatt kien il-kelb li mmarka li t-tieni ħalliel kien qed jistaħba fis-suffett. Il-Pulizija kienet qalet fl-istqarrija li r-raġel ipprova jaħrab, iżda huwa ġie arrestat mill-ewwel.