Lokali

“Iċ-ċittadin għandu jkun prijorità u jgawdi minn ekonimija b’saħħitha” – PN

Fl-istess waqt li eluf ta’ familji qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi enormi kawża taż-żieda fl-għoli tal-ħajja…fl-istess waqt li l-Gvern qed jgħidlek biex tissikka ċ-ċinturin, u fl-istess żmien li l-Gvern qed jixxaħħaħ bl-edukazzjoni ta’ uliedna….il-Prim Ministru Robert Abela wera biċ-ċar li s-sagrifiċċji jrid iġorrhom biss il-poplu..u mhux hu  jew ta’ madwaru.

Dan hekk kif Robert Abela għażel li jtajjar xejn anqas minn €140,000 biex tella’ New York delegazzjoni ta’ 30 persuna. Dan meta ż-żjara kienet waħda intiża biex hu bħala Prim Ministru jindirizza l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

It-Times kienet żvelat li Robert Abela fi New York ħa miegħu l-familja, fotografu personali, cameraperson personali, u crew separat li tqabbad apposta. Dan apparti diversi uffiċjali minn Kastilja.

Net News tkellem mad-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami fejn saħaq li għandna Gvern li qal li jrid jaqta l-ispiża b’€200 miljun u minflok spiċċa jberbaq flus il-poplu b’dan il-mod.

Beppe Fenech Adami sostna li dan huwa Gvern li nqata mir-realtà u li m’għadux il-Partit tal-ħaddiema. Mill-banda l-oħra l-Partit Nazzjonalista jemmen b’serjetà li flus il-poplu għandhom jintużaw għal ġid taċ-ċittadin.

Intant, id-Deputat Nazzjonalsita Jerome Caruana Cilia insista li filwaqt li Clyde Caruana qal li jrid iqaccat €200 miljun jidher li dan il-Gvern ma jafx jipprijoritizza bil-Ministru baqa ma qalx minn fejn se jqaċċat dawn il-flejjes kollha.

Huwa sostna li l-Partit Nazzjonalista jrid li l-interessi taċ-ċittadin jiġu l-ewwel u qabel kollox… u mhux li l-familji Maltin u Għawdxin jispiċċaw jerfgħu l-piż…waqt li tal-qalbha jibqgħu jiffangaw minn but il-poplu.

Intant, fl-istess waqt fi New York hemm ukoll preżenti l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, flimkien mat-timijiet li tellgħu mill-Ministeri tagħhom.