Lokali

Il-Ministru jgħid li s-sigurtà fil-Marsa għad trid tiġi diskussa

L-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-Marsin lejl u nhar, 24 siegħa kuljum…. minkejja l-appelli kollha li saru tul dawn l-aħħar xhur u snin minn residenti mbeżżgħa u ġenituri li ma jistgħux jafdaw lill-uliedhom mqar biex imorru jixtru xirja żgħira mingħand il-ħanut tal-merċa….il-Gvern għadu qed jiddiskuti.

Dan hekk kif waqt intervista minn Andrew Azzopardi fuq l-istazzjon tar-radju 103… il-Ministru Byron Camilleri saħaq li s-sitwazzjoni u l-isfidi f’din il-lokalità għad iridu jiġu diskussi.

Huwa kien mistoqsi dwar il-kritika li rċevew fl-aħħar ġimgħat il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, flimkien mal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u l-Maġistrat Nadine Lia, minħabba diversi każi u skandli li saru magħrufa fl-aħħar xhur.

Fosthom l-inkjesta interna fi ħdan il-Korp b’rabta man-nuqqas ta’ arrest ta’ Iosif Galea…li mir-rapport ħareġ li kien hemm xi nuqqasijiet minn naħa tal-Korp kif ukoll l-appell biex il-Maġistrat Nadine Lia  tirrekuża ruħha minn każ li l-avukat difensur fih hu missier ir-raġel tal-istess Lia.

Mistoqsi jekk dan kollu hux qiegħed jinkwetah ir-risposta ta’ Camilleri kienet biss sempliċiment li hu ma jieħux bis-serjetà lill-Għaqda Repubblika, u li l-fiduċja fil-Pulizija f’Malta..skont l-Ewrobaromentru, qiegħda tiżdied.

Rigward is-suġġett tar-Riforma tal-Kannabis u l-kritika li rċeviet Mariella Dimech, Byron Camilleri ammetta li kien jixtieq li l-proċess kien aktar mgħaġġel.

Matul il-programm ġiet diskussa wkoll is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni f’Malta fosthom il-mewt ta’ Loujin Ahmed Nasif, it-tifla ta’ 4 snin li mietet bil-għatx fuq dgħajsa bejn sema u ilma fl-ibħra territorjali Maltin fil-bidu tax-xahar.

B’risposta għal dan, il-Ministru Byron Camilleri insista illi li kieku ma kienux għall-interventi f’waqthom tal-Forzi Armati ta’ Malta kien ikun hemm aktar imwiet u minflok refa’ responsabbiltà ta’ mewtha hu bħala Ministru responsabbli, farfarha fuq pajjiżi oħra.

Dan filwaqt li attakka lil numru ta’ attivisti li jappellaw għal aktar azzjoni minn naħa tal-Gvern.

Intant, b’rabta mar-relazzjoni li pajjiżna għandu mal-Libja, Andrew Azzopardi kwota lill-Papa Franġisku jqabbel lill-kampijiet tal-immigrazzjoni fil-Libja, ma’ dawk tal-konċentrament tan-Nazi…bil-Ministru jisħaq li huwa m’għandux pożizzjoni ta’ Papa, iżda jrid jirraġuna bħala Ministru tal-Intern.