Rapport: Stewart Said
OLANDA………………… 13
MALTA…………………… 9
(1-1), (4-2), (4-1), (4-5)
Forsi l-aħħar logħba poġġiet piż fiżiku żejjed fuq iż-żgħażagħ Maltin hekk kif kienet is-sitt logħba f’sebat ijiem. Għat-tieni darba f’din l-edizzjoni, l-Olanda ħarġet rebbieħa din id-darba 13-9 biex kisbet id-disa’ post.
B’din it-telfa, it-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena spiċċa fl-għaxar post fil-Kampjonat Ewropew, riżultat mistħoqq meta wieħed li t-tim kien mingħajr Jake Muscat li x-xahar li għadda għamel operazzjoni. Għalkemm id-disa’ post kien ikun ferm aħjar, wieħed ma jridx ineħħi l-mertu taż-żgħażagħ immexxija mill-kowċ Anthony Farrugia li ssieltu bi bravura għal din il-klassifikazzjoni pożittiva.
Bidu tajjeb mit-tim Malti li fetaħ l-iskor b’xutt angolat ta’ Sam Gialanze. Sfortunatament it-tieni gowl ma wasalx, kawża anki ta’ żewġ man-ups li setgħu ġew sfruttati. L-Olanda ġabet id-draw 43 sekonda mit-tmiem tas-sessjoni b’xutt minn pożizzjoni ċentrali ta’ Jens Wijgers.
It-prestazzjoni fit-tieni sessjoni kienet pjuttost fqira. Għalkemm it-tim Malti kellu vantaġġ ta’ 3-2 b’gowls ta’ Gianni Farrugia u penalty ta’ Gialanze, malli l-Olanda marret fil-vantaġġ, it-tim Malti deher mingħajr saħħa biex jirreaġixxi. Nuqqas ta’ konkretezza fl-attakk b’diversi passaġġi traskurati filwaqt li reġgħu ma ħadux vantaġġ minn żewġ okkażjonijiet ta’ superjorità numerika.
L-Olandiżi ħadu r-riedni tal-logħba u prattikament aċċertaw mir-rebħa fit-tielet sessjoni. It-tim Malti kien ftit dinamiku sforz l-akkumulazzjoni tal-logħbiet, bl-avversarji jieħdu vantaġġ. L-unika reazzjoni Maltija waslet f’nofs is-sessjoni b’gowl ta’ Jake Bonavia, gowl li kien l-ewwel wieħed minn man-up fis-seba’ tenattiv. Iżda l-Olanda skorjat darbtejn oħra fl-aħħar żewġ minuti għal 9-4.
Minkejja d-distakk, iż-żgħażagħ Maltin baqgħu xorta jissieltu minkejja l-għajja evidenti. L-Olanda baqgħet tikkonsolida l-vantaġġ tagħha fosthom żewġ gowls minn superjorità numerika. It-tim Malti rnexxielu fl-aħħar tliet minuti jiskorja tliet darbiet, tnejn minnhom minn man-up filwaqt li l-aħħar gowl tal-logħba minn penalty ta’ Daniel Rizzo.
Olanda: S. Berkenbosch, T. Smit, J. Wijgers (2), T. Karel (1), M. Snel (2), J. Sjardijn (2), L. Ten Broek (1), M. Van der Weijden (3), S. Meijn (1), T. Schouwerwou, M. Reijchard, T. Ketelaars (1), P. Stevens
Malta: A. Bugeja, M. Mifsud, S. Gialanze (2), D. Rizzo (1), J. Cachia (1), R. Caruana, J. Cutajar, M. Castillo (1), K. Borg, J. Bonavia (1), A. Fenech (1), G. Farrugia (2), M. Bonello du Puis
Referees: Vuk Milovic (Serbja), Andras Petik (Ungerija)
//= $special ?>